F’raħal żgħir, u kwiet f’Malta, kull sena jittella’ dramm b’rabta mal-Ġimgħa l-Kbira, li jgħaqqad il-komunità tal-lokal. Tradizzjoni li ma tinbidilx minn sena għal sena, sakemm titfaċċa attriċi ġdida minn barra r-raħal, li tbiddel il-perkors tal-istorja kollha.
Din hi t-tema ta’ reċta kontempranja, iżda b’rabta mal-Passjoni, li se tkun qed tittella’ fi Spazju Kreattiv, fil-Belt Valletta, bl-isem ‘Tarah Wiċċ Alla’.
Tkellimna ma’ wieħed mill-atturi, il-produttur u d-direttur ta’ din ir-reċta, Carlos Farrugia, li spjega kif din il-kumpanija teatrali ilha ttella’ dawn it-tipi ta’ drammi għal madwar disa’ snin.
Stqarr, “Teatru li nagħmluh fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira, però l-plays tista’ tarahom matul is-sena. Ikun hemm temi relatati mal-Ġimgħa l-Kbira, din is-sena għandna xi daqsxejn aktar, però t-teatru huwa wieħed kontempranju.”
Joseph Galea, li hu l-kittieb u pro-direttur u produttur ta’ din ir-reċta, qal kif kull sena, biex ikun jista’ jikteb reċta b’tema reali jkollu jagħmel riċerka dwar xi settur fil-ħajja. Qalilna li din is-sena, ħaditu fir-Renal Unit, fl-Isptar Mater Dei, fejn għexieren ta’ persuni jqattgħu s-sigħat għad-dialysis, minħabba mard tal-kliewi u li jkunu jeħtieġu saħansitra trapjant.
Sostna, “Tagħrif interessanti li ltqajt miegħu meta kont qed nagħmel ir-riċerka biex nikteb dan ix-xogħol, tgħallimt li, bħalissa, hawn 100 persuna li għandhom bżonn kilwa f’Malta u hemm bżonn li wieħed jaħsibha darba darbtejn biex jirreġistra xewqtu u wara mewtu jagħti l-organi tiegħu.”
Din il-play, b’kollaborazzjoni ta’ Galea, Farrugia, Spazju Kreattiv u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, bis-sehem ta’ wħud mill-aħjar atturi, se tkun qed tittella’ mill-Ġimgħa 22 ta’ Marzu sat-30 ta’ Marzu.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Spazju Kreattiv.