“Il-fatt hu li kull xahar li jgħaddi qed jirnexxilna nnaqsu n-nies qiegħda u nżidu x-xogħol f’dan il-pajjiż” qal Joseph Muscat waqt attività politika fl-Isla. Spejga li l-progress jiġi għax jittieħdu deċiżjonijiet li jsarrfu f’riżultati.
Semma s-settur turistiku, u l-fatt li f’Jannar, wieħed mill-aktar xhur diffiċli, qed jintlaħqu records ġodda.
Jekk ikun Simon Busuttil fit-tmexxija, iwaqqaf ix-xogħol u l-ekonomija. Busuttil ma jħallix il-ġid ikompli jikber u jitqassam lil min ikollu bżonn.
Iddeskriva l-atitudni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u fakkar fil-posters ta’ qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Kienu messaġġi diviżorji ħafna, ħaġa li l-Prim Ministru staqsa x’kienet l-idea warajha. Il-Prim Ministru qal li din hija t-tattika ta’ Simon Busuttil, u li kien hu li daħħal l-istrateġija ta’ diviżjoni, anke fi żmien Gonzi.
Il-poplu, fil-kwiet ta’ daru, jiżen l-attitudni ta’ ‘min ma jaqbilx magħna inkeċċuh’ u jqabbilha mal-mentalità inklussiva ta’ dan il-Gvern.
‘Taf lil min ma jkeċċix il-kap tal-Oppożizzjoni?” staqsa l-Prim Ministru.
Hawn semma lil Beppe Fenech Adami, li hu stess qal li min hu mdaħħal f’kumpaniji fiduciary għanu jirriżenja. Lil Beppe Fenech Adami ma jkeċċihx Simon Busuttil.
Lanqas m’hu se jkeċċi lil Jason Azzopardi, li ma mexiex tajjeb b’art li tiswa’ seba miljuni. Ma jkeċċix lanqas lil Chris Said, ukoll ikkundannat mill-Awditur Ġenerali dwar kif mexa f’għoti ta’ fondi.
Ma jkeċċix lil Toni Bezzina, li għamel pjanta biex jibni f’ODZ, fl-istess żmien li kien qed jagħmel il-pjan tal-PN fuq l-ambjent. “Hemm potenzjal qawwi ta’ frodi, imma Simon Busuttil mhux se jieħu pass” osserva l-Prim Ministru.
Semma wkoll lil Mario Demarco, li jinsab bil-kanuni mdawwra fuqu. Bdew ħirġin l-istejjer li kien involut fil-kuntratt tal-binja tal-ITS; kuntrat li Busuttil kien qed jgħid li hemm il-korruzzjoni dwaru. “Qed jgħid li Mario Demarco korrott ukoll, għax kien qed jagħmel kuntratt mal-Gvern” qal Muscat.
Ċert li Demarco biss għandu kunflitt ta’ interess f’dan il-każ u każijiet oħra? Lest li tagħmel l-istess ma nies oħra li jista’ jkollhom kunflitt? Meta sirt taf dak li qed issejjaħlu kunflitt ta’ interess ta’ Dr Demarco? Jekk kont ilek taf, għaliex ma waqqaftux millewwel?
Busuttil irid jagħti tweġibiet ċari, qal Muscat, inkella għandu l-faħam miblul fuq din ukoll.
B’kuntrast, il-Prim Ministru kompla jispjega fuq Taħt dan il-Gvern, lanqas ċenteżmu wieħed ma ntilef mill-flus tal-Unjoni Ewropea. Dan meta fl-2013 kien hemm perikolu kbir ħafna li dawn il-flus jintilfu. Saret ħidma kbira biex il-flus li Malta hija intitolata għalihom jinġiebu.
“Aħna kapaċi inwettqu fejn irridu naslu” spjega Muscat. “Dan li ngħidu, inwettquh” kompla jgħid, u semma l-mediċini, iċ-child care, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u l-income tax.
“Bejn min huwa vendikattiv u diviżiv u min irid ikompli jaħdem, il-poplu se jagħżel mill-ġdid lil dan il-moviment” temm jgħid Muscat.