Fit-tlettax il-sena tagħha, il-wirja bl-isem ta’ ‘Il-Maħfra’ tinkludi fiha għadd ta’ vari mir-rakkont tal-passjoni u mejda tal-Appostli fis-sala tal-Iscouts tal-Ħamrun.
‘Il-Maħfra’, li se tibqa’ miftuħa b’xejn għall-pubbliku sal-Ġimgħa 29 ta’ Marzu, tinkludi żewġ settijiet ta’ xogħlijiet differenti. Xogħol ta’ Spanja magħmul minn taħlita ta’ ġibs u resina u xogħol ta’ Antonio Magri magħmul mill-pasta de madera kif ukoll vara kbira, ġdida tal-flaġellazzjoni ta’ Kristu magħmula minn Andrew Bugeja.
Crew ta’ ONE żar din il-wirja fejn tkellem mal-esebitur, Keiston Mazzitelli, li fi ftit kliem ta rendikont tal-preparamenti u x-xogħol li sar biex din il-wirja setgħet tittella’ b’suċċess.
Qal, “Wara l-kwinti l-wirja tikkonsisti ħafna xogħol, ħafna spejjeż, ħafna xogħol, mhijiex faċli sa ċertu punt li inti qed tarma din il-wirja bħal dan li qed tara. L-ewwel li bdejna li meta kont żgħir bdejna bi Kristu Rxoxt ta’ Spanja. Minn hemmhekk bdejna niffokaw fuq il-vari.”
Fost il-wirja tinsab ukoll mejda tal-Appostli magħmula kollha minn xogħol Malti tat-terrakotta u tinkludi fiha xemgħat li jissimbolizzaw lil kull appostlu.
Mazzitelli tenna jgħid kif matul is-snin li ġejjin mistennija jitlestew aktar vari kbar ta’ Andrew Bugeja, inkluż dawk tar-Redentur u l-Veronika, Ponzu Pilatu u l-Aċjomu, ilkoll magħmula mill-fibre u l-kartapesta.