It-Tnejn, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, fetaħ il-bibien tiegħu għal dawk l-istudenti prospettivi biex jaraw mill-qrib l-esperjenza edukattiva f’dan l-istitut f’Ħal Luqa.
Fi stqarrija dan l-istitut edukattiv qal li din l-attività kienet ta’ suċċess, fejn dawk li attendew raw il-bosta korsijiet li huma offruti f’dan l-istitut. Bl-ITS toffri bosta programmi edukattivi dwar l-ospitalità, li jibdew minn livell bażiku ta’ foundation għal-livell ta’ Masters.
Waqt din l-attività, dawk li attendew iltaqgħu ma’ dipartimenti differenti fejn taw il-gwida tagħhom lil dawn l-istudenti prospettivi.
Dawk li attendew raw ukoll wirjiet kemm mill-istudenti u anki mill-għalliema fosthom b’affarijiet bl-għaġina, smoothies u anki cocktails.
Dwar din l-attività kkummenta l-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech.
“Studenti li hawn bħalissa qed juru lil dawn l-istudenti minn xiex jgħaddu fil-ħajja ta’ kuljum hawnhekk. Ħadna pjaċir ħafna li qed naraw alumni tal-ITS, jiġifieri studenti li kienu jistudjaw magħna u llum il-ġurnata qed jaħdmu fl-industrija, li wkoll ivvoluntarjaw biex jiġu u huma stess jgħidu lil dawn l-istudenti prospettivi li hemm fl-industrija u x’karrieri l-industrija tista’ toffrilhom.”