It-Tlieta f’Sarajevo, l-Bosnja-Ħerżegovina waqt it-tieni jum tal-Kampjonat Ewropew Indiviwali tal-Irġiel tas-Snooker Aaron Busuttil, Brian Cini, Alex Borg u Isaac Borg kisbu t-tieni rebħa minn daqstant logħbiet u b’riżultat tajjeb, l-Erbgħa, jista jkunu fost dawk li jevitaw li jilgħabu fir-round preliminari waqt il-fażi tan-knock out u jidħlu mill-ewwel mal-aħħar 64.
Aaron Busuttil, Alex Borg u Isaac Borg kellhom rebħiet konvinċenti ta’ 3-0 kontra Mario Amza tar-Rumanija, Martin Orinak tas-Slovakja u s-Serb, Marko Grbovic rispettivament. Brian Cini rebaħ, iżda b’punteġġ finali ta’ 3-1 kontra l-Skoċċiz, Aaron Graham.
Wara telfa fl-ewwel ġurnata, Philip Ciantar kellu rebħa tajba ferm b’punteġġ ta’ 3-0 kontra Ilia Chisleacov tal-Moldovja. Il-player Bulgaru li rebaħ il-bieraħ lil Ciantar reġa’ rebaħ u b’hekk għada l-Malti jkollu konfront dirett għal min jgħaddi minn dan il-grupp.
Kemm Chris Peplow kif ukoll Arthur Cachia ġarrbu l-ewwel telfa bi skor identiku ta’ 3-0. Huma t-tnejn tilfu kontra players Irlandiżi, Peplow tilef kontra Ross Bulman li f’dan il-kampjonat li kien sar f’Malta s-sena l-oħra kien ġie eliminat fis-semi-finali filwaqt li Cachia tilef kontra Benny O’Brien. Minkejja dawn it-telfiet iż-żewġ Maltin jistgħu jikkwalifikaw jekk jirbħu l-aħħar konfront fil-grupp tagħhom.
L-uniku player Malti li huwa diga’ eliminat huwa Joseph Casha li reġa tilef. L-avversarju ta’ Casha llum kien Benjamin Tokača, li huwa wieħed mill-ħafna players tal-pajjiż organizatur, il-Bosnja Ħerzegovina. Bħall-ewwel jum ta’ kompettizjoni Casha rebaħ l-ewwel frame izda tilef it-tlett frames l-oħra għal punteġġ finali ta’ 3-1.
Il-fixtures tat-tielet u l-aħħar ġurnata tal-gruppi qabel il-fażi tan-knock out hija din:
10:00 Chris Peplow vs Nikita Soo – Estonja
10:00 Alex Borg vs Sigurdur Kristjansson – Islanda
12:00 Joseph Casha vs Antoni Kowalski – Polanja
12:00 Brian Cini vs Shivan Mohammedali – Svezja
16:00 Aaron Busuttil vs Amedeo Durnez – Belgju
16:00 Isaac Borg vs Nicolas Mortreux – Franza
16:00 Arthur Cachia vs Maxim Ene – Rumanija