Bħala parti mill-maltabiennale.art 2024, ġew inawgurati uffiċjalment mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, sitt padiljuni oħra, li qed jirrappreżentaw lil Spanja, l-Italja, l-Awstrija, il-Polonja, iċ-Ċina u l-Padiljun tal-Fondazzjoni Lugisland of Art (Omenaart Foundation).
Il-padiljun Spanjol, bl-isem ta’ ‘No man is an island’, li jinsab f’Villa Portelli fil-Kalkara, jidħol fil-kunċett ta’ identità f’dimensjoni pluralistika, u jenfasizza bħala aspetti fundamentali, l-inkontri kulturali u l-iskambji. Il-padiljun Pollakk fl-istess post joffri rappreżentazzjoni dinamika tal-kultura u l-wirt Pollakk, permezz ta’ interpretazzjonijiet mill-ġdid ta’ narrattivi Bibbliċi u l-esplorazzjoni ta’ tekniki artistiċi.
Il-padiljun Awstrijak, bl-isem ta’ ‘Humanity’s Spectrum’ fil-Forti Sant’Iermu, fil-Belt Valletta, jinkludi figuri tat-terrakotta li jirrappreżentaw diversi aspetti tal-eżistenza umana, filwaqt li ‘Scapegoating through time’ jesplora l-vittimizzazzjoni storika.
Il-padiljun Taljan, bl-isem ta’ ‘Informal Inclusion’, jenfasizza spazji miftuħa u stejjer mhux irrakkontati f’Villa Portelli, fil-Kalkara.
Finalment wirja ċiniża fil-Forti Sant’Iermu wkoll tesplora l-intersezzjonijiet ta’ kliem u ritratti u tistieden lill-viżitaturi biex jiskopru mill-ġdid memorji mitlufa u joħolqu esperjenzi kulturali kondiviżi.
Il-wirja fil-Lugisland of Art tal-Fondazzjoni Omenaart ingħatat l-isem ta’ ‘Space & time’ tikkonsisti f’xogħlijiet ta’ artisti stabbiliti Maltin u Pollakki, fosthom installazzjonijiet b’referenzi storiċi flimkien ma’ għażla ta’ xogħlijiet minn kollezzjonijiet u sensiliet importanti.
Il-Ministru Bonnici enfasizza li l-maltabiennale 2024 toffri pjattaforma importanti għall-artisti u l-kuraturi Maltin u barranin biex jesprimu irwieħhom b’perspettivi diversi, filwaqt li temm jgħid kif l-arti u l-kultura joffru opportunità b’saħħitha biex wieħed iwassal messaġġ.