Fuq medda ta’ għaxar snin sal-2012, kienu emigraw minn pajjiżna 16,877 ċittadin Malti. Imma fl-istess perjodu ġew lura 18,223 Malti.
Tendenza, li kompliet tissaħħaħ fl-aħħar snin, turi li aktar Maltin qed jiġu lura f’pajjiżhom milli jitilqu biex jgħixu barra. Ċifri mill-aħħar Ċensiment, li ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, jixhdu li dan hu kompletament bil-maqlub għal żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista.
Fil-fatt, qabel l-2013, iżjed żgħażagħ Maltin kienu jitilqu minn artna minn dawk li jerġgħu jiġu lura.
Statistika turi li, fuq medda ta’ għaxar snin, l-għadd ta’ Maltin li emigraw naqas drastikament, tant li jekk fl-2012 kien hemm 2,300 Malti li telqu jgħixu barra, fl-2022 l-ammont kien mat-tliet darbiet inqas. Dan anke jekk il-popolazzjoni żdiedet minn dakinhar.
Minbarra hekk, l-ammont ta’ persuni li emigraw minn fostna fl-għaxar snin bejn l-2012 u l-2022 kien ta’ sittax-il elf, tmin mija u sebgħa u sebgħin. Imqabbel mat-tmintax-il elf, mitejn u tlieta u għoxrin li ġew lura jew elf, tliet mija u sitta u erbgħin iżjed milli emigraw.
Sal-2013 it-tendenza kienet li aktar jemigraw minn fostna milli fil-fatt jiġu lura.
L-istatistika tgiddeb għal darb’oħra r-retorika li pprova jbella’ fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista, bil-Kap Bernard Grech innifsu, daqslikieku ż-żgħażagħ kienu qed jaħarbu mill-pajjiż minħabba xi nuqqas ta’ opportunitajiet.
Iżda, issa kif tixhed l-istatistika miċ-Ċensiment, għal kull tliet persuni li emigraw fl-2012, persuna waħda biss emigrat fl-2022.
B’mod iżjed speċifiku, turi li fl-2022 kien hemm 194 Malti ta’ bejn il-15 u d-29 sena li emigraw, ferm inqas mit-828 li kien hemm f’din il-faxxa fl-2012. Dan ifisser li fl-2012 kienu emigraw erba’ żgħażagħ għal kull żagħżugħ li emigra fl-2022.
L-argumentazzjoni fallaċi ta’ Bernard Grech u l-Partit tiegħu kienet diġà mgiddba mill-gazzetta KullĦadd sena u nofs ilu meta analizzat iċ-ċifri tal-Eurostat dwar id-differenza bejn il-Maltin, inkluż iż-żgħażagħ, li telqu mill-pajjiż ma’ dawk li ġew lura bejn l-2008 u l-2020.
Minnha ħareġ li mill-2014 lil hawn, kull sena dejjem kien hemm aktar żgħażagħ li ġew lura f’pajjiżna milli fil-fatt emigraw.