Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf bħala l-‘Lilu King’, ġie meħlus mill-arrest wara perjodu ta’ madwar għaxar xhur miżmum fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Elmushraty ta’ 32 sena kien tressaq il-Qorti mixli b’ħasil ta’ flus f’Mejju tas-sena l-oħra. F’Jannar li għadda, fil-Qorti, żiditlu wkoll akkuża oħra – dik ta’ traffikar tad-droga.
Il-‘Lilu King’ jinsab akkużat b’involviment fi kriminalità organizzata, b’rabtiet ma’ ħasil ta’ flus u traffikar ta’ droga. Dan filwaqt li qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
F’Diċembru li għadda kienet ġiet miċħuda talba għall-ħelsien mill-arrest. Fl-istess xahar, ġiet miċħuda talba mill-Prosekuzzjoni, biex iżżid il-proċeduri kriminali kontra Mohamed Ali Ahmed Elmushraty.
Issa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €40,000. Hu jrid jinġabar f’daru bejn id-9:00 ta’ filgħaxija u s-7:00 ta’ filgħodu, filwaqt li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Ħamrun.
Intant, minn informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon, l-Avukat Ġenerali se jkun qed jappella għal din id-deċiżjoni.