- IR-RAPPORT TA’ INKJESTA DWAR CAPITAL ONE NNOTA NUQQASIJIET KBAR
- KAŻ TA’ ALLEGAT ĦASIL TA’ FLUS FEJN TWAQQFET INVESTIGAZZJONI
Ħwejjeġ strambi, dokumenti li sparixxew u li ma kellhom qatt josfru, kif ukoll investigazzjoni li ma tħallietx tissokta.
Dawn ilkoll konklużjonijiet b’saħħithom tar-Rapport tal-Bord ta’ Inkjesta dwar il-każ Capital One u Baltimore Fiduciary li fih jissemma l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami.
Ir-rapport stabbilixxa b’ċertezza li kien wara li tfaċċa isem Beppe Fenech Adami li l-investigazzjoni tal-pulizija twaqqfet u meta analizza jekk dan hux proprju għax tfaċċa isem l-istess Fenech Adami l-bord qal li “ma jistax jeskludi li dak kien li effettivament ġara.”
Huma diversi l-partijiet fejn il-bord jinnota kif dokumenti uffiċjali naqsu.
Dan il-każ kien żvelat mill- Maltatoday flimkien ma’ ġurnalist internazzjonali. Jirriżulta li investigazzjoni li nbdiet mill-awtoritajiet Olandiżi stabbilixxiet li kumpanija li kienet qed topera minn Malta, Capital One, setgħet kienet qed tagħmel operazzjoni ta’ ħasil ta’ flus li ġejjin mit-traffikar tad-droga.
Kien ftit ġimgħat qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, li l-pulizija bdiet investigazzjoni li waqfet, kif issa huwa kkonfermat mir-rapport ta’ inkjesta, wara li tfaċċa isem Beppe Fenech Adami bħala direttur fuq Baltimore Fiduciary Services Limited, liema kumpanija kienet direttur, shareholder, rappreżentant legali u rappreżentant ġuridiku ta’ Capital One Investment Group li fuqha kien hemm suspett ta’ ħasil ta’ flus.
Fl-istess żmien, Fenech Adami kien Assistent Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li l-eks Ministru Carm Mifsud Bonniċi kien imġiegħel jirriżenja mill-Parlament. Jingħad li dak iż-żmien Fenech Adami kien “de facto” ministru tal-pulizija.
Ma baqgħux fil-file tal-pulizija
Bħala parti mill-investigazzjoni ħarġet ordni ta’ iffriżar tal-assi fuq wieħed mill-kontijiet ta’ Capital One.
Bħala parti mill-investigazzjoni kienu nġabru dokumenti mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji Maltija (MFSA) u l-għada li kienet esegwita ordni ta’ friżar fuq il-Bank of Valletta nktibu ittri lil ċertu John Scicluna, Money Laundering Officer tal-Bank of Valletta. Dan biex jipprovdi tagħrif dwar transazzjonijiet.
Scicluna bagħat ħames ittri lill-Kummissarju tal-Pulizija u minnhom tnejn biss baqgħu fil-file. Dwar dan, ir-rapport jgħid hekk:
“Hija ħaġa stramba li kopja tal-ittra fuq imsemmija tat-28 ta’ Diċembru 2012, li l-ispettur Aquilina bagħat lil John Aquilina, la tinstab fil-file ENU/68/LR/12 tal-pulizija u lanqas f’xi file ieħor tal-pulizija. Dan il-bord akkwista kopja tagħha waqt li kien qiegħed jiehu x-xhieda ta’ John Scicluna. Hija daqstant ieħor ħaġa stramba li la fil-file u lanqas f’ebda file ieħor tal-pulizija ma hemm żewġ ittri li John Scicluna bagħat lill-pulizija rispettivament fil-31 ta’ Diċembru 2012 u fid-19 ta’ April 2013. Wisq anqas hemm iż-żewġ bundles ta’ dokumenti bankarji li Scicluna bagħat separatament fl-aħħar imsemmija dati, għall-attenzjoni tal-ispettur Aquilina, b’risposta għall-imsemmija ittra tat-28 ta’ Diċembru 2012.”
Kien hemm dokumenti oħra li “sparixxew” u r-raġuni li ngħatat għal dan ma tantx niżlet tajjeb mal-bord ta’ inkjesta.
“Irriżulta għalhekk li dawn id-dokumenti kollha li għadhom kif issemmew sparixxew mill-pussess tal-pulizija. Ir-raġuni li ngħatat għat-telfien ta’ dawn id-dokumenti kienet li dawn ingħataw lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex minn hemm jintbagħtu għand l-awtoritajiet Olandiżi. Kien hemm ċaħda kategorika da parti tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li dawn id-dokumenti qatt għaddew għandu, verżjoni li tidher aktar attendibbli minn tal-ewwel,” kompliet tgħid l-inkjesta fuq numru ta’ dokumenti oħra mitlufa fosthom “żewġ bundles ta’ dokumenti bankarji.”
Somom kbar ta’ flus
Ir-rapport tal-inkjesta jgħid li “l-allegati provi dwar ir-reat tal-ħasil ta’ flus kienu jemerġu mit-transazzjonijiet bankarji li saru f’Malta, l-aktar bejn is-snin 2009 u l-2010. Dawn it-transazzjonijiet kienu jinvolvu somom kbar ta’ Ewro.” Fil-fatt, jgħid il-bord ta’ inkjesta, id-dokumenti kellhom imorru għand is-sezzjoni speċjalizzat kontra l-ħasil ta’ flus. “Dan il-bord huwa tal-fehma illi dawn id-dokumenti ma kellhom qatt josfru, iżda minflok kellhom isibu posthom ġewwa file separat, fil-kuntest ta’ investigazzjoni separata tal-Anti Money Laundering Unit li l-ispettur Aquilina prattikament jew indirettament, kien beda. Irriżulta li din l-investigazzjoni hekk informalment mibdija, waqfet ħesrem ftit wara li nbdiet,” jintqal f’parti oħra tar-rapport.
Jingħad ċar u tond li “l-investigazzjoni ma tħallietx tissokta.”
Fil-fatt ir-rapport qal li ma kienx hemm ir-rieda qawwija meħtieġa min-naħa tal-pulizija. “Tant hu hekk li lanqas file formali dwarha ma kien infetaħ mill-pulizija tempestivament,” kompla jingħad fir-rapport.
META TFAĊĊA ISEM BEPPE
Ma setax jonqos li r-rapport janalizza l-impatt ta’ isem Beppe Fenech Adami u r-rapport kien ċar immens. Meta daħal isem Beppe Fenech Adami l-każ sar wieħed jaħraq.
“Meta fit-13 ta’ Jannar 2013 tfaċċa l-isem ta’ Dr Beppe Fenech Adami, l-investigazzjoni saret ‘a very hot potato’ li forsi setgħet iġġib konsegwenzi xejn pjaċevoli fuq min ikollu l-kuraġġ li jaqbadha u jipprova jqaxxarha,” jgħid ir-rapport.
It-tliet Imħallfin innotaw li l-qawl jgħid ‘la ddardarx l-għajn li trid tixrob minnha’. “Imma persuna integra ma timxix ma’ dan il-proverbju. Ir-responsabbiltajiet tal-kariga jridu jinġarru dejjem u f’kull waqt, inkluż f’dawk l-okkażjonijiet skabrużi meta l-interess personali jista’ jissuġġerixxi triq oħra. Aktar ma għadda żmien, seta’ kien hemm raġunijiet oħra għaliex l-investigazzjoni waqfet,” għamlitha ċara l-inkjesta. L-istess inkjesta li qalet li ma tistax teskludi li l-investigazzjoni twaqqfet proprju għax tfaċċa isem Beppe Fench Adami tagħmilha ċara li l-investigazzjoni mhux titwaqqaf kellha iżda tinfirex.
Jinnota kif l-investigazzjoni sabet ruħha f’diffikultà, waqfet, u prattikament intesiet.
“Dan il-bord jidhirlu li din l-investigazzjoni, mibdija hekk indirettament mill-ispettur Aquilina, kienet timmerita li tiġi formalizzata kif suppost, billi jinfetaħ file separat tal-pulizija għaliha, tingħata d-direzzjoni opportuna mis-superjuri tal-ispettur Aquilina, kif wara kollox dan tal-aħħar issuġġerixxa, biex hekk kienet tista’ tkompli tieħu l-kors normali tagħha, bħal kull investigazzjoni oħra tal-pulizija,” qal il-bord.