Jum San Patrizju jaħbat fis-sbatax ta’ Marzu. Oriġinarjament din it-tradizzjoni fl-Irlanda bdiet bħala festa reliġjuża għall-qaddis patrun ta’ dan il-pajjiż li kompliet tikber sakemm laħqet għadd ta’ pajjiżi, bil-lum il-ġurnata saret ċelebrazzjoni ddominata bil-mużika, l-ilbies aħdar, kpiepel u xi tazza jew tnejn birra.
Il-qaddis San Patrizju kien miet propju fis-sbatax ta’ Marzu, wara li wettaq ħidma sfieqa ta’ tletin sena biex jikkonverti lill-Irlandiżi għall-kristjaneżmu.
Għalkemm din hija festa ċċelebrata bil-kbir fir-Repubblika tal-Irlanda u fl-Irlanda ta’ Fuq, iċ-ċelebrazzjonijiet ma jsirux b’tant pompa, hemm biss. F’Malta sa mill-ħdax ta’ filgħodu, San Ġiljan jilbes l-aħdar fejn bla dubju ta’ xejn, hawn ukoll tiddomina il-birra. Imma ż-żgħażagħ jafu t-tifsira vera wara din il-festa?
Minkejja li forsi ħafna ma jafux it-tifsira vera wara dan il-jum, li hu żgur hu, li l-Maltin jafu jieħdu pjaċir, u f’ temp sabiħ bħal ma kien illum, ħatfu l-okkażjoni biex jiċċelebraw lil San Patrizju, u jgawdu l-ħajja, kif jafu jagħmlu, wara kollox, il-Maltin.