Fl-attività politika fil-Qawra, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-importanza li għandha ekonomija b’saħħitha, li tissarraf f’ġid għal kulħadd.
Fil-fatt hawnhekk irrefera u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-aħħar rating A+ mogħti mill-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali, Fitch Ratings.
Qal, “Tafu x’sostniet din l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu? Qaltilna għandkom tkabbir ekonomiku, ikbar milli aħna bassarna li kontu se tikbru bih. Tafu x’qaltilna iżjed l-aġenzija Fitch, qaltilna li bl-intervent li għamel il-Gvern irnexxielu jikontrolla għall-ewwel darba l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali tal-ikel.”
Fil-Qawra, il-Prim Ministru ġab numru ta’ eżempji kif dan is-suċċess ekonomiku qiegħed jissarraf fi proġetti ta’ fejda fejn fost l-oħrajn semma l-proġett tal-iskola state-of-the-art fejn saret l-attività politika.
Madanakollu, il-Prim Ministru nnota wkoll kif għad fadal xi jsir.
Stqarr, “Huwa propju din il-ġimgħa, bis-saħħa tal-Awtorità tal-Artijiet li għaddejna art lill-Kunsill Lokali sabiex fuqha jkun jista’ jinbena Ċentru tal-Komunità li jospita ġewwa fih is-servizzi kollha għaċ-ċittadini ta’ din il-lokalità.”
Il-Prim Ministru nnota wkoll kif ix-xogħol miexi ġmielu dwar il-proġett tal-pjazza ta’ Buġibba li se jkun l-akbar proġett fil-lokalità sa minn dak li sar minn Gvern Laburista fl-1996.
Waqt l-indirizz tiegħu Dr Abela ma naqasx milli jinnota l-kontinwazzjoni tal-populiżmu fil-politika tal-Partit Nazzjonalista li ta’ sikwit jagħżel li jaqta’ qalb in-nies għall-kuntrarju tal-Partit Laburista li jqawwi qalb in-nies u jifhem il-ħtiġijiet tal-popli.
Qal, “Meta mifmhu x’inhuma l-ħtiġijiet tal-Għawdxin u l-Maltin ma nieqfux hemm imbagħad, le. Aħna nsibu s-soluzzjonijiet u ninvestu fihom, ninvestu fis-soluzzjonijiet.”
Quddiem in-negattività tal-Partit Nazzjonalista, l-Prim Ministru sostna li l-Gvern se jwieġeb b’aktar investiment fin-nies.
B’rabta mal-appuntament elettorali tat-tmienja ta’ Ġunju l-Prim Ministru qal hekk.
Stqarr, “Irridu nibgħatu messaġġ ċar, jekk hux se nappoġġjaw lill-Partit li kabbar l-ekonomija jew jekk hux se nappoġġjaw lill-Partit li staġna l-ekonomija. Qatt daqs illum ma hemm differenza daqstant ċara bejn il-kandidati.”