Delegazzjoni kummerċjali Maltija ħadet sehem fl-ewwel missjoni ta’ negozju fl-Etjopja organizzata minn TradeMalta, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Etjopjana tal-Investiment.
Sittax-il intrapriża, li ġejjin minn setturi varji bħal dawk tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi tal-kostruzzjoni u manutenzjoni tal-bini, tagħmir mediku, konsulenza kummerċjali, manifattura, enerġija rinnovabli, ICT, servizzi finanzjarji u servizzi professjonali ta’ arkitettura u disinn, attwalment jinsabu akkumpanjati fl-Afrika minn rappreżentanti tal-Malta Enterprise, l-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS).
Bħala s-sede tal-Unjoni Afrikana, l-Etjopja tippreżenta opportunitajiet attraenti għan-negozji bbażati f’Malta li qed jesploraw toroq ġodda għall-esportazzjoni u l-espansjoni internazzjonali.
Minbarra dan, l-Etjopja sservi bħala ċentru fl-Afrika tal-Lvant, li jista’ jwassal għal diversi swieq oħrajn fir-reġjun. Dan jipprovdi potenzjal enormi għat-tkabbir ekonomiku u ta’ benefiċċju reċiproku bejn iż-żewġ stati.
Din il-missjoni kummerċjali multi-settorjali, li qed isseħħ fil-kapitali Addis Ababa, għandha l-għan li tipprovdi lin-negozji lokali l-opportunità li jestendu l-firxa tagħhom f’dan is-suq ftit li xejn mittiefes, filwaqt li tgawdi mill-benefiċċji sinifikanti li ġabet magħha t-twaqqif tal-Ambaxxata Maltija hawnhekk sentejn ilu.
Anton Buttigieg, Kap Eżekuttiv ta’ TradeMalta, ikkummenta li “din il-missjoni kummerċjali hi importanti biex jiġu kkonsolidati r-rabtiet kummerċjali bejn Malta u l-Etjopja. Matul l-ewwel żjara tagħna qed nipprovdu lin-negozji bbażati f’Malta għarfien dwar kif isir in-negozju fl-Etjopja. Hu inkoraġġanti li tant negozji qed juru interess dejjem akbar li jagħmlu negozju f’din il-parti tad-dinja. TradeMalta tħeġġeġ lill-kumpaniji bbażati f’Malta interessati li jieħdu n-negozju tagħhom lil hinn minn xtutna biex javviċinaw lil TradeMalta bl-ideat u l-pjani tagħhom, filwaqt li jibbenefikaw mis-servizzi li noffru ghat-tkabbir ta’ negozju internazzjonali”.
Aktar tagħrif dwar is-servizzi offruti minn TradeMalta jinsabu fuq is-sit www.trademalta.org jew permezz tat-telefown fuq 2247 2400.