Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea tal-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà Josep Borrell sostna li t-tbatija tal-ġuħ f’Gaza hi arma li qed tintuża mill-Iżraeljani.
Hu qal dan waqt li kien qed jindirizza l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda fi New York, fejn bħalissa wkoll Malta għandha siġġu mhux permanenti f’dan l-ogħla organu ta’ din l-istituzzjoni internazzjonali.
Dan intqal fid-dawl li lbieraħ bastiment bi provvista salpa ’l barra minn Ċipru biex imur lejn Gaza. Il-Ġnus Magħquda sostniet li l-provvisti bil-baħar se jdumu iżjed milli jintbagħtu mill-art.
Fid-diskors tiegħu, Josep Borrell sostna li hemm bżonn ta’ għajnuna umanitarja lejn Gaza. Qal li l-Unjoni Ewropea qed taħdem kemm tiflaħ biex din l-assistenza tasal lil dan il-poplu li għandu bżonn l-għajnuna.
Sadanittant, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal mal-midja li l-militar ta’ pajjiżu se jkomplu jattakka n-Nofsinhar ta’ Gaza.
Mill-bidu ta’ Ottubru li għadda, aktar minn 31,000 Palestinjan inqatlu f’Gaza, fosthom tfal u nisa.