L-ikel Malti jgħaqqadna aktar milli naħsbu. Fl-ewwel avventura televiżiva flimkien, l-aħwa Fabian u Keith Demicoli vjaġġaw 15,000 kilometru lejn l-Awstralja biex jiltaqgħu ma’ ħutna Maltin li jgħixu f’dan il-pajjiż-kontinent. Bi stil naturali u awtentiku, L-AĦWA FL-AWSTRALJA jiddokumenta r-rabta qawwija bejn l-ikel Malti, il-familja, it-tifkiriet u l-għożża għal Malta. Dan se jagħmluh billi jżuru familji Maltin u magħhom jippreparaw riċetti tradizzjonali Maltin li ħafna minnhom intirtu mill-ġenituri jew in-nanniet tagħhom.
F’Sydney, Melbourne u Brisbane, l-aħwa Demicoli ltaqgħu ma’ bosta Maltin u Awstraljani ta’ dixxidenza Maltija li minkejja li emigraw 50, 60 jew 70 sena ilu, għadhom iħossuhom Maltin f’qalbhom u wħud minnhom aktar Maltin mill-Maltin li jgħixu Malta! Dan jesprimuh bl-imħabba għall-Malti, id-drawwiet Maltin u l-ikel tradizzjonali Malti bħall-imqarrun, il-ħobż biż-żejt, il-pastizzi, il-fenek moqli u l-imqaret fost l-oħrajn.
Fl-Awstralja, Fabian u Keith ltaqgħu ma’ Maltin li telqu b’ta’ fuqhom senduqhom u llum għandhom ġid kbir, tfal ta’ emigranti Maltin li jitkellmu bil-Malti u ma’ familji Maltin li jrabbu l-annimali biex jipproduċu l-ġbejniet tagħhom stess. Skont l-aħħar ċensiment, fl-Awstralja hemm 235,000 persuna ta’ dixxidenza Maltija.
L-AĦWA FL-AWSTRALJA qed isir bl-appoġġ tal-fond Kultura TV fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti. Il-muntaġġ tas-serje qed isir minn Emotive Media u se jibda jixxandar minn April fuq ONE.