Tifla ta’ tnax-il sena, qed issofri minn ġrieħi serji, filwaqt li tifla oħra, ta’ ħmistax-il sena, indarbet gravi, wara li raġel ta’ 43 sena minn Bormla, allegatament daħal fir-residenza tagħhom u darabhom b’sikkina, għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar.
L-allegat imputat, skont informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon huwa Ronald Dalli, u ġie arrestat f’Bormla fi ftit tal-ħin wara l-allegat aggressjoni.
Maż-żewġ aħwa, kien hemm ukoll ħuhom ta’ erbatax-il sena, li minkejja li ma sofriex ġrieħi fiżiċi, jinsab taħt xokk qawwi u b’hekk qed jingħata l-għajnuna meħtieġa.
Fl-2021, l-istess allegat aggressur, Ronald Dalli, kien ġie arrestat mill-Pulizija u tressaq quddiem il-Qorti taħt arrest akkużat li kkaġuna ġrieħi filwaqt li hedded u insulenta lis-sieħba tiegħu u bintha. F’sentenza, f’Diċembru tal-2023, il-Qorti illiberat lil Dalli wara li l-omm u bintha rrifjutaw li jixhdu.
Fuq il-post assista tim mediku, li ħa lill-vittmi l-Isptar b’ambulanza għal aktar kura.
Bil-każ, ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak, li ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ, għadhom għaddejjin.