Ursula von der Leyen se terġa’ tkun il-kandidata tal-Partit Popolari Ewropew, l-EPP, għar-rwol ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Dan hekk kif it-terminu ta’ ħames snin tagħha se jispiċċa f’nofs din is-sena.
Anke jekk Von der Leyen kienet l-unika kontestanta, fil-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’Bucharest, kważi nofs id-delegati lanqas biss ivvotaw. Dan hekk kif minn 801, ivvotaw biss 499 delegat tal-EPP.
Terġa’, minn dawk li vvotaw, kien hemm 89 li vvotaw kontriha u għaxar astensjonijiet.
Dan kien riżultat diżappuntanti għal Ursula von der Leyen fil-Grupp tagħha stess, hekk kif bejn dawk li ma vvotawx, ivvotaw kontra jew astjenew kienu jlaħħqu l-ħamsin fil-mija.
Dan juri li l-Partit Popolari Ewropew, li jagħmel parti minnu l-Partit Nazzjonalista Malti, m’għandux l-appoġġ sħiħ fil-kandidata li ressaq ’il quddiem hu stess għall-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Dwar dan ikkummenta l-Kummissarju Ewropew Thierry Breton, li rrimarka li, minkejja l-kwalitajiet tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, xorta ma ġabitx l-appoġġ li jagħtiha s-saħħa mixtieqa.
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Kummissarju Breton kompla jistaqsi jekk hux possibbli li l-Ewropa terġa’ tafda lill-Partit Popolari Ewropew għal ħames snin oħra, li f’dak il-każ ifisser li jkun ilu f’din il-kariga għal ħamsa u għoxrin sena sħaħ.
Thierry Breton, li kien Ministru Franċiż taħt Jacques Chirac u jagħmel parti wkoll mill-Partit Popolari Ewropew, tenna li l-EPP lanqas għandu fiduċja fil-kandidata tiegħu stess.