Il-Ministeru għal Għawdex nieda l-programm kulturali għar-rebbiegħa, li se jkun mifrux fuq sitt ġimgħat u li se jolqot il-gosti tal-familja kollha.
Uħud mill-attivitajiet li se jiġu organizzati bħala parti minn dan il-programm jinkludu Science in the Citadel, il-kunċert Memorji, l-Opra La Bohème, Lejl Imkebbes u l-Malta International Fireworks Festival Gozo Special, fost attivitajiet oħra.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal kif il-kalendarju kulturali għal dan l-istaġun huwa mżewwaq b’diversi avvenimenti f’Għawdex li jiġbed l-attenzjoni ta’ bosta Maltin, turisti kif ukoll nies tal-lokal.
Qal, “Aħna nemmnu li dawn l-inizjattivi li nkomplu nagħmluha l-għażla aktar faċli għal dawk kollha li jżuruna f’Għawdex, però aktar minn hekk dawn ikunu qed jagħmlu reklam tajjeb għal din il-gżira meta jmorru lura lejn Malta jew f’pajjiżhom.”
Huwa kompla jgħid li r-rebbiegħa huwa ż-żmien ideali sabiex wieħed iżur il-gżira Għawdxija u jipparteċipa fl-attivitajiet fil-beraħ hekk kif dan l-istaġun, bħal f’ħafna reġjuni oħra Mediterranji, huwa staġun ikkaratterizzat minn temp sabiħ.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li dan kollu jawgura tajjeb għas-sajf li ġej, l-istaġun l-aktar popolari f’Għawdex, fejn in-nies tal-lokal u t-turisti se jkollhom l-opportunità jgawdu l-istorja rikka, il-bajjiet sbieħ, l-esperjenza kulinari, u l-firxa vasta ta’ avvenimenti li d-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru qed iħejji, biex l-esperjenza f’Għawdex tkun waħda memorabbli.