Il-militar Amerikan, se jibni port temporanju f’Gaża, sabiex tkun tista’ tiddaħħal l-għajnuna umanitarja permezz tal-baħar.
Ħabbar dan il-President Amerikan, Joe Biden, waqt indirizz li għamel, filwaqt li qal li din l-inizjattiva mhux se tinkludi truppi li se jmorru f’Gaża.
Dan l-iżvilupp, tħabbar anke fid-dawl lital-istqarrija mill-Ġnus Maqgħuda fejn tħabbar li kwart tal-popolazzjoni, hija f’risku li tmut bil-ġuħ.
Biden qal li l-port se jkun mibni proprju mill-militar Amerikan, u se jieħu numru ta’ ġimgħat biex jitlesta.
Permezz ta’ dan il-port, se jkunu jistgħu jidħlu f’Gaża, diversi bastimenti bl-ikel, ilma, u l-mediċina, filwaqt li jistgħu anke jservu bħala xelters temporanji.
Dawn il-bastimenti se jiddaħħlu minn Ċipru, fejn se jsiru spezzjonijiet minn uffiċjali Iżraeljani.
Biden żied jgħid li Iżrael, għandu jħalli din l-għajnuna umanitarja tidħol f’Gaża.
S’issa waqt din il-Gwerra, mietu madwar 1,200 Iżraeljan, filwaqt li 253 oħra ttieħdu bħala ostaġġi.
Intant, skont il-Ministeru għas-Saħħa f’Gaża, li hu mmexxi mill-Hamas, s’issa nqatlu aktar minn 30,800 Palestinjan, fosthom nisa u tfal.