Il-Gvern inawgura proġett ta’ housing soċjali ġdid li se jkun qed jakkomoda tmien familji, b’investiment ta’ miljun u erba’ mitt elf ewro.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Kirkop, propju fejn tinsab din il-binja li se tkun qed tissemma għall-mibki Charles Miceli, li kien pijunier fil-qasam soċjali u li ħadem qatigħ għall-vulnerabbli u l-batut.
Fil-fatt, f’wieħed mill-appartamenti ġewwa din il-binja, f’post mill-isbaħ, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affardobbli Roderick Galdes tenna kif dan il-proġett, bħal oħrajn li ġew inawgurati riċentament, jinsab fil-qalba tal-komunità.
Il-Ministru Galdes spjega l-għan aħħari wara dan.
Il-karatteristiċi tal-housing tal-lum huma binjiet li huma ġol-komunità mhux kif kien imdorri li jsir qabel li jsir housing estate barra fil-periferija umbagħad insibu d-diffikultà li n-nies jintegraw fil-bqija tal-komunità.
Roderick Galdes – Ministru
Intant, il-Minisru Galdes tenna li din is-sena kien hemm rekord ta’ ftuħ ta’ binjiet tal-housing soċjali. Dan bħala parti mill-investiment massiċċ ta’ €150 miljun li alloka Gvern Laburista.
“€150 miljun ta’ investiment kapitali mhux ċajta, qed nitkellmu parti sostanzjali. Illum qed nitkellmu dwar 25% tal-istock kollu li seta’ inbena fil-housing mill-gwerra lil hawn jiġifieri għandna abbundanza ta’ binijiet li qegħdin hemmhekk biex jagħtu għajnuna lil min għandu vulnerabbiltà jew inkella diffikultà ta’ housing soċjali.”
Roderick Galdes – Ministru
Il-Ministru Galdes ikkonkluda jgħid li fl-aħħar snin, fis-settur tal-housing twettqet revoluzzjoni soċjali u ta’ ġustizzja li naqqset il-waiting list tal-housing soċjali bin-nofs u rat ir-rata ta’ home ownership titla’ għal 82% tal-poplu Malti u Għawdxi.