Iffaċċjati minn kriżijiet finanzjarji, Franza u r-Renju Unit huma tnejn mill-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom se jkomplu jħossu l-issikkar taċ-ċintorin kemm fejn jidħol il-piż tat-taxxi kif ukoll tnaqqis fil-benefiċċji soċjali diġà limitati li joffru.
Ir-Renju Unit, li jrid jiffaċċja elezzjoni ġenerali fix-xhur li ġejjin li tista’ wkoll tkun eqreb milli mistenni, qed jippreżenta lill-poplu tiegħu l-ogħla livell ta’ taxxi sa mill-1948, anke jekk il-Ministru għall-Finanzi Jermey Hunt fl-aħħar jiem għadu kemm ħabbar baġit li ffranka lill-ħaddiema 2 pence mill-kontribuzzjoni tal-Bolla tagħhom.
Il-ġurnal influwenti The Guardian irrapporta li dan it-tnaqqis żgħir fil-kontribut tal-ħaddiema tan-National Insurance jiġi wkoll bit-theddida li jkun hemm għafsa ġdida u akbar fuq l-infieq pubbliku wara li tgħaddi l-elezzjoni.
Minkejja dan, in-nuqqas ta’ sorpriżi reali fil-baġit – iżjed minn żieda fit-threshold taċ-Children’s Allowance wara kritika tal-aħħar xhur dwar inġustizzji f’dan ir-rigward – jidher li evita l-possibbiltà ta’ elezzjoni bikrija f’Mejju li ġej, meta r-Renju Unit xorta se jkun għadu uffiċjalment f’riċessjoni.
L-elezzjoni Britannika xorta trid issir sa Jannar li ġej.
Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni fi Franza mhi xejn iżjed feliċi. Rapporti internazzjonali jirrapportaw li t-tnaqqis ta’ emerġenza fil-baġit f’nofs Frar fil-pjani biex jitnaqqas id-defiċit tal-pajjiż mhux mistennija jkunu tal-aħħar. Fil-fatt il-Gvern Franċiż qed jissielet biex iżomm bilanċ bejn miri finanzjarji u realtajiet politiċi.
U ż-żmien għal aktar qtugħ, li jfisser tnaqqis fil-livell tal-ħajja taċ-ċittadini Franċiżi, ma jistax ikun agħar, kemm minħabba l-iskrutinju fuq il-baġit mill-Unjoni Ewropea, aġġornament ta’ aġenziji ta’ kreditu u l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fi żmien tliet xhur oħra fejn il-lemin estrem Franċiż mistenni jiggwadanja aktar appoġġ.
Il-Ministru għall-Finanzi Franċiż, Bruno Le Maire, kompla jżid fl-aħbarijiet ħżiena għall-pajjiż u l-poplu l-Erbgħa meta qal li d-defiċit fil-baġit tas-settur pubbliku s-sena li għaddiet mistenni jkun agħar milli mistenni meta jiġu finalizzati l-kontijiet.
Dan isegwi l-aħbar fil-bidu ta’ din is-sena fiskali li hemm bżonn jinqatgħu mal-għaxar biljun ewro mill-baġit biex il-Gvern jibqa’ bil-pjani tiegħu li jnaqqas id-defiċit.
“Għal ħafna żmien, l-infieq pubbliku kien is-soluzzjoni għall-problemi kollha tagħna. Issa qed ipoġġi f’riskju li ssir problema għalina lkoll. Jeħtieġ nieħdu d-deċiżjonijiet biex intejbu l-finanzi tagħna,” qal Le Maire lill-kumitat tal-finanzi tal-Parlament l-Erbgħa.
Il-Ministru issa qed jistenna li t-tieni l-akbar ekonomija fiż-Żona Ewro tikber b’wieħed fil-mija biss din is-sena, minflok il-wieħed punt erbgħa fil-mija, li fuqu kienet ibbażat il-baġit tiegħu.
Il-mira kienet li d-defiċit ikun ta’ erbgħa punt erbgħa fil-mija, iżda, f’kummenti mal-ġurnal Franċiż Le Monde, hu qal li d-defiċit pubbliku se jkun ferm ogħla fuq l-erbgħa punt disgħa fil-mija, minħabba inqas dħul għall-gvern.
Franza trid tevita tnaqqis fir-ratings tal-aġenziji tal-kreditu internazzjonali, speċjalment dak ta’ Standard & Poor’s li diġà tatha rating negattiv. Ir-rating li jmiss se joħroġ fl-aħħar ta’ Mejju li ġej, ġranet biss qabel il-poplu Franċiż joħroġ jivvota wkoll.