L-armla tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russu, Alexii Navalny, Yulia Navalnya, qed tappella biex il-poplu Russu jipprotesta kontra l-President Vladimir Putin, dakinhar tal-elezzjoni, jiġifieri fis-17 ta’ Marzu li ġej.
Hi qalet li, bħala parti mill-protesta, il-poplu għandu jifforma kju twil fil-postijiet kollha tal-votazzjoni għall-ħabta ta’ nofsinhar. Dan skont idea li kien qasam Navalny fuq il-pjattaforma X, ġimagħtejn qabel il-mewt ħesrem tiegħu fil-ħabs fejn kien qed jinżamm.
L-armla tiegħu qalet li jum il-votazzjoni għandu jintuża bħala turija ċara li hemm ħafna persuni li jridu l-bidla.
Navalnya qed titfa’ l-ħtija tal-mewt ta’ żewġha direttament fuq il-President Vladimir Putin.
L-elezzjoni fir-Russja, li diversi osservaturi ma jemmnux li se tkun waħda ħielsa jew ġusta, mistennija terġa’ tintrebaħ minn Putin, li tkun il-ħames waħda infila tiegħu.
Navalnya ħeġġet lin-nies biex jivvotaw lil kandidati oħrajn, minflok lil Putin, jew iħassru l-vot, anke billi jiktbu l-kelma ‘Navalny’ fuq il-vot tagħhom.
Navalny ġie pprojbit milli jikkontesta l-elezzjoni presidenzjali tal-2018, minħabba akkużi ta’ misapproprijazzjoni ta’ fondi, xi ħaġa deskritta minn ħafna bħala ‘frame-up’.
L-armla ta’ Navalny daħlet fix-xena politika wara l-mewta ta’ żewġha u indirizzat diversi istituzzjonijiet, fosthom il-Parlament Ewropew, filwaqt li kellha laqgħat mal-President Amerikan, Joe Biden.