Għaxar uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili bħalissa jinsabu fir-Renju Unit fejn qed jingħataw taħriġ mill-Hampshire Fire and Rescue Service. Dan bħala parti mill-proġett Ewropew Exchange of experts.
one.com.mt, tkellem mad-Deputat Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro li spjegalna dwar l-importanza ta’ dan it-taħriġ. Huwa spjegalna li matul dawn il-ħamest ijiem ta’ taħriġ qasmu l-esperjenzi flimkien ma’ ħaddiema tal-protezzjoni ċivili bħalhom u tagħlmu ħafna minn xulxin.
It-taħriġ li qed jingħataw il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili jinkludi t-tifi tan-nar b’użu inqas tal-ilma, il-ventilazzjoni tal-arja meta jkollok post li qed jieħu n-nar, d-direzzjonijiet li wieħed għandu jagħti f’każijiet ta’ nar, taħriġ dwar kif għandhom jiġu trattati materjali kimiċi kif ukoll taħriġ dwar is-salvataġġ ta’ annimali kbar li jkunu f’postijiet li jieħdu n-nar.
Permezz ta’ dan it-taħriġ l-uffiċjali tal-Protezzjoni ċivili se jkunu jistgħu joffru servizz aħjar u joffru l-aqwa għajnuna lill-pubbliku filwaqt li l-esperjenza tagħhom se jkunu jistgħu jgħadduha lill-kollegi tagħhom.