Haiti ddikjara stat ta’ emerġenza għat-tlett ijiem li ġejjin wara li ħarbu erbat elef priġunier mill-ħabs ta’ Port-au-Prince.
Dan wara li l-Ħadd grupp ta’ nies armati daħlu fil-ħabs ewlieni ta’ Haiti, qatlu 12-il persuna u ġarrew il-priġunieri kollha magħhom.
Fil-fatt l-awtoritajiet ordnaw liċ-ċittadini tal-belt kapitali li ma jistgħux joħorġu minn djarhom wara ċertu ħin filgħaxija.
Il-mexxejja ta’ dan il-grupp kriminali qalu li l-iskop wara dan huwa li jġiegħlu lill-Prim Ministru tal-pajjiż, Ariel Henry, jirriżenja. Dan il-grupp għandu s-setgħa li jneħħi lill-Prim Ministru mill-pożizzjoni tiegħu hekk kif jikkontrolla 80% ta’ Port-au-Prince.
Fi stqarrija tal-Gvern intqal li fi tmiem il-ġimgħa ġew attakkati żewġ faċilitajiet korrettivi, wieħed fil-kapitali u l-ieħor f’Croix des Bouquets.
Fost il-priġunieri kien hemm membri ta’ dan l-istess grupp, u qed jiġu akkużati b’involviment fil-qtil tal-President Jovenel Moïse fl-2021 fost oħrajn.
Dan l-attakk beda wara li l-Prim Ministru ta’ Haiti vvjaġġa lejn Nairobi biex jiddiskuti aktar sigurtà qawwija mmexxija mill-Kenja f’Haiti.