Għall-ewwel darba, f’Jannar li għadda, id-depożiti tal-familji mal-banek lokali qabżu s-sbatax-il biljun ewro.
Irrapportat dan il-gazzetta Illum, li kkwotat dawn iċ-ċifri minn statistika tal-pank Ċentrali ta’ Malta.
Ġie rrapportat li t-tfaddil tal-familji mal-banek lokali kien disgħa u għoxrin miljun ewro aktar minn dak fix-xahar ta’ qabel, jiġifieri f’Diċembru u kważi sitt mitt miljun ewro aktar minn dak irreġistrat f’Jannar ta’ sena qabel.
Fl-aħħar tliet snin, id-depożiti ta’ entitajiet tal-Gvern ma’ banek lokali wkoll żdiedu, b’aktar mid-doppju. Dan hekk kif minn nofs biljun ewro, telgħu għal aktar minn biljun.
F’dan il-perjodu żdiedu wkoll id-depożiti tal-kumpaniji privati mhux finanzjarji, li telgħu għal tliet biljuni u tmien mitt miljun ewro.
Dan ifisser li kemm il-kumpaniji privati u anki l-kumpaniji tal-Gvern żiedu d-depożiti tagħhom, u dan jindika kemm il-qagħda finanzjarja tas-settur pubbliku ssaħħet.
L-Illum qalet ukoll li ż-żieda qawwija fit-tfaddil tal-familji fl-aħħar snin hi sinifikanti, meta wieħed jikkunsidra x-xokkijiet internazzjonali u l-effett tal-inflazzjoni.
Ta’ min jinnota li studju tal-Bank Ċentrali Ewropew juri li l-familji bl-anqas dħul f’pajjiżna raw id-depożiti tagħhom b’titjib ta’ kważi tliet darbiet aktar mir-rata osservata fil-bqija tal-Ewropa.