Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena, f’Jannar, Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea. Hawnhekk ħareġ li Malta għandha rata ta’ tnejn punt sitta fil-mija.
Ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna hi ferm inqas mir-rata medja ta’ qgħad tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li tlaħħaq is-sitta fil-mija. B’dan ifisser li d-differenza hi tlieta punt erbgħa fil-mija.
Wara Malta bl-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea hemm il-Polanja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja. Dan filwaqt li bl-ogħla rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, f’Jannar, hemm: Spanja, il-Greċja, l-Iżvezja u l-Finlandja.
Dawn iċ-ċifri pożittivi għall-ekonomija Maltija ġew irreġistrati f’perjodu ta’ inċertezza ekonomika bil-gwerra fl-Ukrajna u anki dik fil-Lvant Nofsani.