Firilla ta’ mitt sena se terġa’ ssalpa bis-saħħa ta’ proġett ta’ restawr li se jippreserva din il-qoxra tal-baħar.
Dan frott ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, Marsaxlokk Heritage, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Heritage Malta, li se jwettqu proġett bl-isem ta “Restawr ta’ Qoxra tal-Baħar”, bil-għan li tiġi rrestawrata dgħajsa tradizzjonali tal-injam ta’ mitt sena li kienet ġiet abbandunata.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, stqarr li huwa unur għall-aġenzija li tkun parti minn tim tant b’saħħtu li se jaċċerta li dak li b’tant għożża u fortuna għadda għandna, ikun jista’ jibqa’ jiġi apprezzat mill-ġenerazzjonijiet futuri.
“Bi pjaċir dħalna għal dan il-ftehim, Heritage Malta, MTA u Marsaxlokk Heritage sabiex insalvaw flimkien din id-dgħajsa tradizzjonali, l-firilla li għandha ‘l fuq minn mitt sena.”
Ryan Abela, mill-NGO Marsaxlokk Heritage, faħħar din l-inizjattiva u stqarr kif il-mira hija fuq kollox li dan il-proġett ikun l-ewwel imbuttatura għal restawr ta’ ħafna dgħajjes tradizzjonali oħra.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef enfasizza li dan il-proġett huwa xhieda tad-dedikazzjoni tal-Awtorità li ssaħħaħ l-esperjenza awtentika tat-turist fil-gżejjer Maltin.
Intant, il-Ministru Owen Bonnici fisser is-sinifikat tal-wirt marittimu, u l-importanza li jiġi mħares.
“Il-ħarsien tal-wirt marittimu huwa importanti ħafna għalina għaliex jiddefenina bħala l-gżira nazzjon li hija ċċirkondata mill-baħar u għandna obbligu li nieħdu ħsieb il-bċejjeċ tal-baħar li huma antiki, ġejjin minn wirt missirijietna u nippreservawhom u mmexxuhom ’il quddiem bħalma qed nagħmlu f’dan il-proġett li qed isir id f’id mal-NGO bl-għan li din il-qoxra tal-baħar li għandha aktar minn mitt sena tiġi ppreservata u titgawda mix-Xlukkajri u t-turisti li jiġu f’dan il-lokal tant sabiħ.”
L-għan aħħar ta’ dan il-proġett huwa li jkun hemm firilla kompletament operattiva li tintuża biex iġġorr turisti u dilettanti fuq tours edukattivi tal-port, li jenfasizzaw l-istorja marittima ta’ Marsaxlokk u ta’ Malta.