Iżjed membri Parlamentari Ewropej qed ikomplu jipprotestaw għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-Parlament Ewropew, li tmexxi Roberta Metsola, dwar il-gwerra fl-Istrixxa ta’ Gaza.
Waqt seduta plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, id-Deputata Żvediza Abir Al-Sahlani pprotestat fil-ħin tad-diskors tagħha f’dibattitu dwar dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani.
Hi żammet id waħda fuq ħalqha, li turi n-nuqqas ta’ kundanna mill-Parlament Ewropew għall-ġenoċidju mwettaq minn Iżrael, u bl-oħra mgħollija kienet miżbugħa ħamra, simbolu tad-demm fuq idejhom għall-qtil ta’ tletin elf persuna, fosthom tfal u nisa innoċenti.
Din mhix l-ewwel kundanna u protesta lejn l-istituzzjoni u anke kontra l-President tagħha, Roberta Metsola, hekk kif fi mifruxin madwar l-Ewropa kollha, inkluż barra l-Parlament Ewropew, ġew akkużati li huma responsabbli għall-massakru f’Gaza.
Ftit jiem wara l-attakk tas-sebgħa ta’ Ottubru li għadda mill-Hamas fuq il-parti Iżraeljana, Metsola u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, laqqtu kritika ħarxa wara li minn jeddhom u bla approvazzjoni tal-istess istituzzjonijiet li jmexxu marru l-Lvant Nofsani biex jagħtu l-barka lill-militar Iżraeljan.
Dan il-ġest kien ġie kkritikat bl-aħrax mill-komunità internazzjonali bħala l-approvazzjoni għal dak li spiċċa jseħħ ftit wara.