Is-sena li għaddiet, intlaħaq rekord assolut fl-għadd ta’ persuni f’pajjiżna li siefru, hekk kif aktar minn tmin mija u erbatax-il elf resident siefer barra minn xtutna, skont statistika li tinġabar kull sena.
Skont analiżi, li saret mill-gazzetta KullĦadd fl-aħħar ħarġa tagħha, jirriżulta li fl-2019, l-aħħar sena qabel il-pandemija tal-COVID-19, l-għadd ta’ persuni li siefru minn pajjiżna kien inqas minn 708,000 jew 15% inqas minn kemm siefru fl-2023.
Fatt interessanti ħafna hu li, waqt li n-numru ta’ turisti li żaru lil pajjiżna fl-2023 kien 7% aktar mill-ammont osservat fl-2019, l-ammont ta’ safar minn Malta għal barra żdied b’rata d-doppju ta’ hekk. Dan hu konferma ta’ kemm il-qagħda finanzjarja tal-Maltin u l-Għawdxin hi ferm aħjar minn tal-pajjiżi minn fejn joriġina t-turiżmu lejn Malta.
Dan joħroġ ukoll mill-fatt li dawk li siefru minn Malta nefqu €735 miljun jew 21% aktar min-nefqa osservata qabel il-pandemija. Ras għal ras, dawk li siefru minn Malta nefqu aktar minn €900. Dan kien 1% aktar min-nefqa medja tat-turisti li ġew fostna.
Il-gazzetta KullĦadd osservat ukoll li aktar minn terz tal-vjaġġi, li saru mill-Maltin u l-Għawdxin, kienu lejn l-Italja. It-tieni destinazzjoni favorita kienet ir-Renju Unit, segwita minn Spanja u Franza. Bħala medja, il-vjaġġi taċ-ċittadini lokali kienu ta’ sebat iljieli, waqt li dawk li l-aktar li siefru minn fostna kienu persuni fl-etajiet ta’ bejn il-25 u l-44 sena.
Is-sena l-oħra kważi 55% tat-turisti Maltin użaw linja tal-ajru low-cost, mentri 7% ivvjaġġaw bil-baħar. Dan meta fl-2019 kien hemm 48% li vvjaġġaw fuq linji tal-ajru low-cost u 4% kienu ħadu vaganza bil-baħar.