Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura Laboratorji ġodda tal-Inġinerija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta b’investiment ta’ €22 miljun.
Dan waqt ċerimonja ta’ inawgurazzjoni l-Ġimgħa filgħodu bħala parti mill-proġett tal-kumpless TRAKE (Transdisciplinary Research and Knowledge Exchange), li ilu għaddej mill-2016 u li b’kollox jinvolvi investiment ta’ €39 miljun.
Fil-fatt, din il-binja, li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, hija ddedikata kollha għar-riċerka għal studenti li jkunu qed jistudjaw f’korsijiet PHDs u post-grad.
Il-bini qed jospità laboratorji state of the art li se jkunu qed jiffaċilitaw xogħol ta’ riċerka relatat mal-inġinerija tal-manifattura, speċjalment fid-dawl tal-avvanzi tal-intelliġenza artifiċjali, bil-għan li jiġu mtejba l-produttività u l-kwalità; l-awtomatizazzjoni u l-inġinerija robotika, kemm għall-vetturi tal-art, aerospazjali u anke tal-baħar.
Barra min hekk dan il-bini se jippermetti ricerka relatata mal-manifattura u ttestjar tal-elettronika u teknoloġiji intelliġenti applikati fl-oqsma tal-bini sabiex tibqa’ tiġi mtejba l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-kwalità tal-ħajja.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-laboratorji inawgurati humwa tal-ogħla livell internazzjonali u li b’hekk huwa pass ieħor lejn l-ekonomija li rridu għal uliedna fejn jistudjaw f’Malta f’sistema edukattiva li tippreparahom għall-impjiegi li qed jinħolqu.
“Dawn huma l-investimenti, l-għodda, li għandna bżonn bħala ċavetta li tiftaħ il-bibien għall-futur ta’ pajjiżna u dan il-proġett, li llum qed ninawguraw it-tlestija tiegħu, għandu proprju dan il-għan. Fejn hawn, mill-Università ta’ Malta, qed nibagħtu messaġġ ċar li nafu fejn irridu nieħdu pajjiżna għas-snin li ġejjin billi nkunu fuq quddiem tal-avvanzi teknoloġiċi li qed iseħħu globalment,” tenna l-Prim Ministru.
Dr Abela rrimarka ukoll kif kif dan l-investiment jinkorpora fih l-avvanz li qed isir f’pajjiżna hekk kif fakkar ukoll f’investimenti oħrajn li qed isiru, partikolarment dak li segwa mill-qrib fil-kumpanija tal-manifattura ta-Trelleborg li qed tagħmel trasformazzjoni maż-żmien tal-lum biex l-impjiegi li qed toħloq huma f’oqsma ta’ valur għoli.
Kumpanija bl-iktar teknologija avvanzata, li taghmel ir-ricerka u l-izvilupp tal-prodotti taghha u saħansitra tohloq il-makkinarju awtomatizzat li se jsir gewwa l-impjant taghhom stess.
Dr Abela b’hekk tenna kif l-investimenti fl-istituzzjonijiet edukattivi qed jassiguraw li l-istudenti f’pajjiżna joħorġu mill-Università preparati ghal dak li se jsibu fl-industrija filwaqt li jfasslu fejn għandha tmur l-industrija.
Min naħa tiegħu id-Dekan tal-Fakultà tal-Inġinerija Andrew Sammut tenna kif il-binja hija waħda sostenibbli hekk kif tuża sistemi ta’ enerġija rinovabbli. Spjega wkoll kif dan l-investiment huwa parzjalment finanzjat minn fondi Ewropej tal-ERDF b’total ta’ €33 miljun u tul il-proċess ta’ tlestija tiegħu inxtraw mal-150 lott ta’ apparat speċjalizzat.