Il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli llum inawguraw uffiċjalment il-parkeġġ li l-Korporazzjoni tal-Freeport għaddiet lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.
Dan il-parkeġġ huwa mibni fuq tliet sulari u jesa’ 450 karozza. Sar b’investiment ta’ €3 miljun mill-Korporazzjoni tal-Freeport. Is-sular ta’ isfel se jkun qed jintuża mill-ħaddiema tal-Freeport, filwaqt li ż-żewġ sulari l-oħra issa għaddew lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa għall-użu tar-residenti u nies li jżuru dan ir-raħal.
Il-Ministru Schembri semma wkoll il-proġett tal-high voltage shore connection b’investiment ta’ €12-il miljun, li se jwassal biex il-vapuri rmiġġati fil-Freeport jitfu l-magni tagħhom u jiġu provduti b’elettriku aktar nadif minn fuq il-moll stess, biex b’hekk ikun hemm arja aktar nadifa u jonqos ukoll l-istorbju.
Il-ftehim għat-tkabbir tal-Freeport ukoll ħares l-interessi tar-residenti, fejn filwaqt li ġie assigurat li l-operat privat jibqa’ jkabbar l-operat tiegħu, biex ikun jista’ jikkompeti fid-dinja tal-lum, intlaħaq ftehim bejn it-Terminal, l-Korporazzjoni u l-Gvern li t-tkabbir tal-Freeport isir fuq il-biċċa ta’ wara u allura l-aktar bogħod mir-residenti.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett ser joffri aċċessibbiltà aħjar taż-żona u l-madwar, kemm għar-residenti u l-ħaddiema tal-Freeport u kif ukoll għal min iżur iż-żona. Hija faħħret il-ħidma tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u l-Freeport u rringrazzjathom li ffaċilitaw il-proċess favur dan il-proġett. “Dan il-proġett ser inaqqas l-inkonvenjenza ta’ parkeġġ limitat f’din iż-żona u ser igawdu l-aktar minnu r-residenti ta’ din il-lokalità,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri semma kif dan il-proġett huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu fil-lokalità u huwa parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ħolistika ta’ Birżebbuġa. “Dan il-proġett mistenni jgħin sostanzjalment lill-komunità ta’ Birżebbuġa fejn jidħlu parkeġġi u huwa wkoll xhieda tal-viżjoni tal-Gvern li jirriġenera l-lokalità ta’ Birżebbuġa,” tenna s-Sur Camilleri.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Freeport Corporation, David Magro ta ħarsa lejn ix-xogħol li sar matul l-aħħar snin biex dan il-parkeġġ jsir realtà. Huwa rringrazzja lill-entitajiet li ħadmu flimkien biex jitlesta l-parkeġġ, fosthom, il-Ministeru tal-Ekonomija, id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u Projects Plus.