Roberta Metsola kompliet tirrepeti l-pożizzjoni tagħha għal Unjoni Ewropea b’direzzjoni militari li tkun ta’ spalla mal-qawwiet tan-NATO u mhux tikkompeti magħhom.
Metsola tenniet dan fil-Greċja.
Fil-Parlament Grieg bħala President tal-Parlament Ewropew saħqet dwar direzzjoni militari li għandha taddotta l-Unjoni Ewropea għax skontha, biha niggarantixxu l-paċi.
Hija qalet “When it comes to security and defence, we must build a real EU security and Defence Union framework, one that complements NATO’s without competing with it.”
Fl-aħħar jiem, is-sit awtorevoli Politico kwota dikjarazzjonijiet ta’ Metsola fejn qalet li l-Parlament Ewropew għandu jkompli jimbotta xiri konġunt u żvilupp ta’ armi li jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
“L-Ewropa trid tonfoq iżjed fuq difiża u din il-forza Ewropea armata ma għandhiex tikkompeti man-NATO iżda tikkumplimenta l-qawwiet tan-NATO”, kienet qalet diġà l-Ewro-Parlamentari Nazzjonalista.
Ma’ din il-pożizzjoni jaqbel ukoll il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fejn dan saħaq li l-armata Ewropea iktar armata sa snienha trid tikkumplimenta lin-NATO.
Huwa qal “U għalhekk iva dak li qalet Roberta, inkunu kumplimentari għan-NATO.”
Għar-rappurtaġġ dwar dikjarazzjonijiet tagħha stess, Metsola infexxet tiżvoga mal-mobile u ħarġet tiddefendi l-pożizzjoni tagħha li l-Unjoni Ewropea żżid in-nefqa fuq l-armamenti billi tgħajjar lil dawk li hi sejħet lil tas-‘Super One’.
Roberta Metsola kienet kritikata mill-attivisti minħabba l-gwerra u pożizzjonijiet li ħadet meta marret l-Iżrael u żgħażagħ fl-MCAST u oħrajn fl-Ewropa qalulha li qed tiffaċilita l-ġenoċidju.
“Ftakruha din meta terġgħu taraw ismi fuq is-Super One.”