Il-familja ta’ Alexei Navalny, il-kritiku ta’ Putin li miet f’ħabs Russu, ġew mgħarrfa li l-ġisem tiegħu mhux sa jiġi rilaxxat qabel ġimagħtejn oħra.
Kelliem għall-familja qal li ommu ġiet infurmata li l-ġisem ta’ binha qed jinżamm għal dik li ssejħet bħala ‘analiżi kimika’.
L-awtoritajiet Russi ma taw l-ebda konferma ta’ fejn hu l-ġisem ta’ Navalny, filwaqt li kull sforz li qed isir biex ikun hemm aċċess għalih, qed jiġi rrifjutat.
L-armla ta’ Navalny akkużat lill-awtoritajiet Russi li qed jaħbuh.
F’filmat li ppubblikat it-Tnejn li fih tenniet l-impenn tagħha li taħdem għal ‘Russja ħielsa’, Yulia Navalnaya akkużat direttament lill-President Russu Vladimir Putin, bil-qtil ta’ żewġha. Hija allegat ukoll li l-ġisem tiegħu qed jinżamm sakemm jitilqu t-traċċi kollha tal-velenu.