L-Aġenzija Żgħażagħ nediet l-ewwel premju tal-Youth Empowerment għall-għaqdiet studentestiki fl-Università ta’ Malta.
Dan bil-għan li jirrikonoxxi x-xogħol li għamlu dawn l-għaqdiet tul dawn l-aħħar xhur. Dan se jirrikonoxxi l-ħidma fost l-iżvilupp u l-ħiliet tal-istudenti, il-kontribuzzjoni pożittiva fil-komunità u anki fl-informazzjoni li tingħata bl-aħjar mod liż-żgħażagħ.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Keith Azzopardi Tanti.
“L-Gvern jirrikonoxxi t-tant ġid li jagħmlu dawn l-għaqdiet, din id-darba studenteski ġewwa l-Università, fost l-istudenti imma, fost il-komunità inġenerali. Għalhekk il-Gvern ħass il-ħtieġa permezz tal-Aġenzija Żgħażagħ li jkompli jagħti din id-darba, għajnuna finanzjara – għodda sabiex jgħin lil dawn l-għaqdiet studenteski jkomplu bil-ħidma tagħhom.”
Il-Pro-Rettur tal-Università, il-Professur Carmen Sammut, saħqet li f’din l-istituzzjoni edukattiva hemm madwar sebgħin għaqda tal-istudenti, li kollha għandhom l-għan li jtejbu l-ħajja tal-istudent fil-vjaġġ akkademiku.
L-għaqdiet għandhom sal-10 ta’ Mejju biex japplikaw minn fuq is-sit tal-Aġenzija Żgħażagħ.