Il-membru tal-kabinett Iżraeljan, Benny Gantz wissa li jekk il-Hamas ma jeħilsux l-ostaġġi kollha li qed jinżammu f’Gaza sal-għaxra ta’ Marzu, se tibda kampanja militari ta’ attakki f’Rafah.
Din hija l-ewwel darba li Iżrael qal meta t-truppi tiegħu se jidħlu f’din il-belt f’Gaza, li bħalissa qed tospita nies, ferm iktar milli tiflaħ; mal-miljun u nofs Palestinjan.
Aktar kmieni, l-aġenzija tas-saħħa pubblika tal-Ġnus Magħquda qalet li wieħed mill-isptarijiet ewlenin f’Gaza kien kostrett jieqaf jopera wara rejd minn Iżrael.
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, qalet li ma tħallietx tidħol fl-isptar Nasser f’Khan Younis biex tassessja s-sitwazzjoni.
Il-Forzi tad-Difiża ta’ Iżrael daħlu fil-kumpless il-Ħamis, wara li qalu li ġew indikati li fl-isptar kienu qed jinżammu ostaġġi mill-Hamas.