It-tim l-aħmar Coca-Cola rebaħ it-tazza tar-Re ta’ Spanja tal-polo wara li rebaħ lit-timijiet Dragonara u Veuve Clicquot bl-iskor ta’ 3-1 u 7-1 rispettivament.
Għal din l-edizzjoni, il-Malta Polo Club biddel il-format tat-turnew għal stil Amerikan fejn inkluda tliet timijiet li fihom kien hemm plejers internazzjonali ta’ esperjenza u kwalità li tħalltu ma’ plejers lokali biex b’hekk jogħla wkoll il-livell tal-logħob u tat-turnew.
Il-plejers internazzjonali inġiebu Malta mill-Malta Polo Club bl-għajnuna finanzjarja ta’ EquestriMalta fejn minbarra l-parteċipazzjoni tagħhom fit-turnew, se jibqgħu Malta fil-ġranet li ġejjin biex jieħdu l-irwol ta’ għalliema f’korsijiet edukattivi lill-membri tal-klabb u oħrajn bħala parti mill-akkademija tal-polo b’kollaborazzjoni mal-awtorità tal-Gvern, EquestriMalta.
It-tazza, li t-tradizzjoni tagħha tmur lura 96 sena, ġiet ippreżentata lill-captain tat-tim Coca-Cola Matthew Borg mill-Ambaxxatur Spanjol Josè Maria Muriel Palomino fil-preżenza tac-Chaiman John Huber u l-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta Max Zammit.