Joe Giglio, li tneħħa minn kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern fuq xewqa tal-establishment Nazzjonalista, issa tħalla barra minn konferenza dwar suġġett li huwa responsabbli minnu.
Dan ġie nnotat mill-gazzetta KullĦadd, fejn intqal li Giglio hu responsabbli mill-infrastruttura u proġetti kapitali u dwar dan diġà għamel aġġornament parlamentari.
Iżda, iktar kmieni din il-ġimgħa d-deputati Mark Anthony Sammut u Bernice Bonello marru jagħmlu konferenza tal-aħbarijiet fil-pjazza tal-Kalkara mingħajru. Hemm marru jikkritikaw ix-xogħol importanti li qed jitwettaq għar-riġenerazzjoni ta’ din il-lokalità.
Meta kienu qed jitkellmu fuq l-infrastruttura, spikka n-nuqqas tal-kelliem dwar is-suġġett, speċjalment għax il-konferenza ma kinitx marbuta ma’ xi ġurnata partikolari, u l-Partit Nazzjonalista seta’ jagħmilha meta jrid.
Sorsi fid-Dar Ċentrali spjegaw mal-gazzetta kif din hi konferma oħra ta’ kemm Giglio huwa meqjus żejjed għall-grupp parlamentari Nazzjonalista, u ħafna li jiġbdu l-ispag, joqogħdu attenti li ma jħalluhx jikber wisq għax il-klikka ta’ Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami ma tantx tara għajn m’għajn miegħu. Tant hu hekk li ħu Karol Aquilina, Robert Aquilina, kien ikkritikah pubblikament.