Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, qal li taħtu l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel avvanz sostanzjali.
Grech qal dan waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet mil-Lovin Malta barra l-Parlament, ftit jiem wara li ħareġ stħarriġ ieħor tal-opinjoni pubblika u li juri kif il-Kap Nazzjonalista huwa fdat minn inqas minn nofs il-votanti kollha Nazzjonalisti li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.
Fiduċja li nisslet dwejjaq kbir fid-Dar Ċentrali u fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. F’tentattiv li jitfa’ gverta fuq dan is-sentiment ta’ gwerra, Bernard Grech qal hekk mal-Lovin Malta.
“Avvanz sostanzjali li seħħ f’dawn l-aħħar kważi sentejn mil-elezzjoni l hawn taħt it-tmexxija tiegħi. Il-Partit għamel avvanzi kbar.”
Bernard Grech
Id-dwejjaq u l-għadab li jispikka fid-Dar Ċentrali kawża tal-prestazzjoni ta’ Grech fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika jfeġġ speċjalment mill-partitarji tal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, fil-konfront tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif din il-fazzjoni f’dawn l-aħħar jiem fakkret kif għall-istess raġunijiet b’rabta mal-istħarriġ tal-opinjoni pubblika il-Kap Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien tqaċċat mill-establishment Nazzjonalista u l-Blue Heroes biex minflokhom tpoġġa Bernard Grech.
Propju fuq quddiem ta’ dan kollu kien hemm ukoll id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut u Ivan J. Bartolo li saħansitra kienu xprunaw petizzjoni kontra Adrian Delia.
ONE News propju staqsa lil Mark Anthony Sammut dwar ir-riga li kien uża ma’ Adrian Delia u dak li qed iseħħ illum b’rabta ma’ Bernard Grech u l-fiduċja li qed jikseb fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika.
Iżda Mark Anthony Sammut qalilna biss hekk.
Ġurnalist: Fi żmien Adrian Delia kont ġbart il-firem minħabba s-surveys. Qed titħajjar tagħmel l-istess fuq Bernard Grech?
Mark Anthony Sammut : “Qatt ma semmejt surveys f’dawk iċ-ċirkustanzi.”
Sammut u Bartolo kienu ħadu li riedu meta Delia tkeċċa u ġie umiljat.
Eventwalment dawk magħrufa bħala Blue Heroes baqgħu jaħdmu kontra Delia, sakemm f’Ottubru tal-elfejn u għoxrin daħlu wieħed minn tagħhom minflok il-Kap li qabel kien elett demokratikament.