Benny Brimmer huwa pittur ta’ 64 sena, li minn meta rtitra, iddedika ħinu sabiex ikabbar il-passjoni tiegħu għall-arti, permezz ta’ pitturi biż-żejt.
Iltqajna miegħu fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta, fejn bħalissa qed jesebixxi kollezzjoni ta’ pitturi, uħud ġodda, u oħrajn, li jmorru lura s-snin, għall-ewwel darba.
Crew minn dan l-istazzjon, ħa l-kumment ta’ Brimmer, waqt li żar din il-wirja, fejn fost l-oħrajn stqarr li huwa qatt ma tgħallem l-arti professjonalment.
Huwa stqarr li l-passjoni lejn l-arti, bdiet minn età tenera, fejn saħansitra kien isib l-appoġġ minn missieru. Qalilna, li beda jiffoka fuq din il-passjoni, sa mis-snin elfejn, hekk kif qabel, huwa kellu jiffoka fuq ix-xogħol sabiex jgħajjex lill-familja.
“Dejjem kont inħażżeż u npinġi, imma kien missieri wkoll, li kien jinsisti miegħi, kien jikkoopera ħafna miegħi, ra dan it-talent fija u allura komplejt.”
Benny Brimmer – pittur
Filwaqt li huwa għandu pitturi fi djar privati madwar id-dinja, żied jispjega dak li xpruna l-ħsieb wara din il-wirja, fosthom, is-sostenn ta’ martu.
“Kienet qiegħda f’moħħi, għal tant u tant żmien, li ma kontx naf meta imma hekk kif ġie l-mument, li l-mara nsistietli, qaltli irridu nagħmluha.”
Benny Brimmer – pittur
Din il-wirja, se tibqa’ miftuħa kuljum sal-25 ta’ Frar, bejn l-4 u t-8 ta’ filgħaxija, kif ukoll is-Sibt bejn id-9 u 12.