Ix-xogħlijiet fiċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv ta’ Għawdex jinsabu fl-aħħar fażijiet tagħhom u se jkun qed jitgawda mill-pubbliku din is-sena.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt żjara li għamel f’din il-faċilità fir-Rabat, Għawdex.
Il-Ministru Camilleri sostna li x-xogħol tal-elettriku kważi kollu lest u anke x-xogħol ta’ kostruzzjoni. Ġie spjegat li x-xahar id-dieħel se jsir ukoll l-ittestjar tal-pixxina li hi ta’ daqs Olimpiku.
Il-Ministru Camilleri saħaq li x-xogħol fuq il-faċċata ta’ din il-faċilità se jibda f’Marzu wkoll.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li jħares ’il quddiem biex jitlesta dan il-proġett.
“Inħarsu ’l quddiem biex ix-xogħol jibqa’ għaddej b’ritmu tajjeb sabiex fl-aħħar mill-aħħar l-isportivi tagħna nkunu qed nagħtuhom faċilità mill-aqwa ta’ indoor sports ġewwa ċ-Ċentru ta’ Għawdex u nħarsu ’l quddiem sabiex dan il-proġett u jiftaħ opportunitajiet oħra, b’mod partikolari fejn jidħlu kompetizzjonijiet internazzjonali hawnhekk ġewwa Għawdex, kompetizzjonijiet nazzjonali, kif ukoll turiżmu sportiv li żġur tali faċilità se tagħmel dan possibli.”
Il-Ministru Clint Camilleri