“Il-konservazzjoni tal-ilma hija responsabbiltà konġunta taċ-ċittadini kollha u għalhekk irridu naħdmu flimkien biex niżguraw is-sostenibbiltà ta’ din ir-riżorsa naturali daqstant importanti.”
Dan saħqitu l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli waqt il-ftuħ tal-ewwel Konferenza Nazzjonali tal-Ilma f’Malta.
Il-konferenza, li ttellgħet mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, iddiskutiet l-immaniġġjar tal-ilma f’Malta, hekk kif ix-xahar id-dieħel tiġi fi tmiemha l-konsultazzjoni pubblika dwar it-tielet River Basin Management Plan, li qed issir bħalissa b’kollaborazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Hija spjegat li dan il-pjan ser ikompli jibni fuq il-progress li sar fl-aħħar snin, filwaqt li jiżgura li l-immaniġġjar u l-konservazzjoni tal-ilma f’Malta verament jagħmlu qabża sostenibbli ’l quddiem.
“Min-naħa tagħna bħala Gvern se nibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħna biex naċċertaw ruħna li nippreservaw din ir-riżorsa tant importanti. Pereżempju għaddejja l-ħidma fuq il-green paper dwar l-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan. Għaddej investiment fuq in-new water biex nagħtu ilma riċiklat lill-bdiewa tagħna li naf għalihom kemm huwa importanti u se nibqgħu għaddejjin bl-investimenti tagħna għax irridu li l-ilma tagħna f’dan il-pajjiż ikun protett bħala riżorsa importanti ħafna.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano spjega li l-integrazzjoni tal-Water Energy Food Ecosystems Nexus fl-ippjanar tar-River Basin Management tiżgura l-iżvilupp ta’ strutturi ta’ implimentazzjoni aktar komprensivi, b’rabtiet b’saħħithom ma’ setturi assoċċjati mal-ilma, u b’hekk jiġu żgurati miri aktar b’saħħithom u sostenibbli.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia ddiskuta wħud mill-azzjonijiet proposti, inkluż iż-żieda fil-produzzjoni tan-New Water u l-estensjoni tan-netwerk tad-distribuzzjoni tiegħu u tenna li din ir-riforma ser tipproteġi b’mod effettiv l-ilma tal-pjan bħala sors affidabbli ta’ ilma għall-futur.