Il-Partit Laburista permezz tal-Eżekuttiv Nazzjonali approva lil Thomas Bajada bħala kandidat ġdid għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej.
Thomas Bajada huwa professjonist żagħżugħ dedikat bi sfond varjat li jinkludi l-politika tas-sajd, il-governanza internazzjonali tal-oċeani, il-liġi tal-UE u dik internazzjonali, u l-promozzjoni tal-wirt kulturali Malti.
Imwieled fl-1994, fil-gżira Għawdxija, bħalissa jservi lill-Gvern Malti bħala Technical Attaché fil-qasam tas-Sajd fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea fi Brussell.
Matul dawn l-aħħar erba’ snin huwa rrappreżenta lil Malta fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u impenja ruħu b’mod attiv f’negozjati biex jitħarsu l-interessi tas-sajjieda Maltin, l-agrikoltura l-industrija tal-akkwakultura.
Qabel ir-rwol attwali tiegħu, Thomas serva bħala koordinatur politiku fis-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali f’Malta.