L-Ispeaker Anġlu Farrugia ppreżenta ċertifikati tal-kors bażiku tal-first aid lill-ħaddiema tal-Parlament u membri tal-Korp tal-Pulizija li jaqdu dmirhom fil-Parlament ta’ Malta.
Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker tkellem fuq l-importanza li l-amministrazzjoni tal-Parlament tagħti lit-taħriġ kontinwu lill-ħaddiema u lill-pulizija li jservu fil-Parlament ta’ Malta. Dan qed isir bl-għan li tisaħħaħ is-sigurtà fil-Parlament biex b’hekk ikunu mħarsa u protetti dawk kollha li jagħmlu użu mill-bini tal-Parlament. It-taħriġ lill-ħaddiema fil-first aid jikkumplimenta t-taħriġ li sar matul is-sena li għaddiet fit-tifi tan-nar u l-lift emergency training.
Dan il-programm ta’ taħriġ lill-ħaddiema u membri tal-Korp tal-Pulizija fil-Parlament qed jitwettaq b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Malta Red Cross, organizzazzjoni volontarja li tħares il-ħajja umana, b’mod partikulari tal-midruba u l-morda.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u d-Direttur Ġenerali tal-Malta Red Cross Paulette Fenech attendew għall-preżentazzjoni taċ-ċertifikati tal-first aid.