Ilbieraħ, waqt li kienu qegħdin iwettqu ħidma relatata mal-konformità u l-infurzar f’Ta’ Qali, żewġ uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar ġew mhedda u aggrediti fiżikament minn individwu.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-istess Awtorità hekk kif ġie spjegatl li fil-ħin li seħħ il-każ, uffiċjali ta’ Transport Malta, li dak il-ħin kienu qegħdin jagħmlu ronda fiż-żona, intervjenew fil-pront biex iwaqqfu lill-aggressur u jevitaw aktar konsegwenzi mhux mixtieqa.
Fuq il-post intbagħtet ambulanza hekk kif waħda mill-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar kienet taħt xokk u kellha bżonn kura medika.
Barra minn hekk issejħu uffiċjali tal-pulizija fuq il-post, u ħadu dikjarazzjonijiet mill-partijiet kollha involuti.
Intant, huwa mistenni li l-aggressur jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Fi tmiem l-istqarrija tagħha, l-Awtorità esprimiet is-solidarjetà u l-appoġġ tagħha mal-uffiċjali tagħha u kkundannat kull forma ta’ fastidju jew abbuż dirett lejn uffiċjali pubbliċi li jaqdu dmirijiethom.