Erba’ artijiet li jinsabu f’żoni tal-iżvilupp se jinbidlu fi spazji ħodor miftuħa għall-familji. Fuqhom setgħu jinbnew 30 blokka appartamenti iżda minflok ser jinbidlu fi spazji rikreattivi.
Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela li fisser kif dawn il-proġetti se jissarrfu f’Malta isbaħ b’direzzjoni ċara, bi spazji miftuħa mimlija siġar.
Dawn l-erba’ artijiet, li jinsabu f’Ħal Luqa, Ħal Kirkop, Ħal Lija u San Ġiljan, se joffru spazju mħaddar ġdid b’mixja qasira għal madwar 7,000 familja.
L-ewwel proġett f’Ħal Luqa jinsab fi Triq Mikielanġ Sapiano u se jkun mifrux fuq 3,400 metru kwadru.
It-tieni proġett huwa fi Triq Nerik Xerri f’Ħal Kirkop, mifrux fuq 1,100 metru kwadru.
Filwaqt li fi Triq Merino f’Ħal Lija, se jsir il-proġett mifrux fuq 700 metru kwadru.
F’San Ġiljan, f’Ta’ Giorni se jsir spazju aħdar mifrux fuq 2,300 metru kwadru.