Id-Deputat Nazzjonalista u l-eks Viċi Kap Mario De Marco qed iwissi u jibgħat messaġġi sottili kontra l-politika mħaddma mill-establishment Nazzjonalista.
Għamel dan f’Kunsill Ġenerali fejn tkellem fuq il-populiżmu li juża Bernard Grech u issa għadda kummenti interpretati li kienu fil-mira ta’ Roberta Metsola wara li din semmiet li għandu jkun hemm iżjed infiq mill-Unjoni Ewropea fuq l-armamenti ħalli l-Ewropa tkun lesta għal li jinqala’.
Fit-Times u mhux fil-midja tal-Partit Nazzjonalista, Mario De Marco tkellem kontra l-qtil tal-innoċenti f’Gaża.
De Marco kritika lill-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u qal li dan huwa eżempju klassiku ta’ raġel ħażin fl-agħar żmien.
Filwaqt li kkundanna l-attakki tal-Ħamas fuq il-Lhud, De Marco nnota kif dak li qed iseħħ f’Gaża mhux ġust u huwa att ta’ tpattija bil-qtil tal-innoċenti.
Argument li sar minn bosta u li amplifika ruħu f’Malta u fl-Ewropa mal-mument li Metsola marret l-Iżrael u d-dehra tagħha wasslet pożizzjoni żbilanċjata tal-Unjoni Ewropea.
Għal dan, Metsola tibqa’ tiġi kritikata u f’Malta, studenti tal-MCAST protestaw kontriha u tqanqlu b’rabja hekk kif sostnew li ffaċilitat ġenoċidju f’Gaża.
Biex taħrab dawn il-protesti, Metsola kienet bidlet il-pjan u ma ltaqgħetx ma’ aktar studenti u minflok ħarbet minn garaxx.
Dan biex ma taffaċċjax appell għal sforz konġunt favur it-tmiem ta’ tixrid t’aktar demm.
Appell li jagħmlu wkoll Mario De Marco fit-Times fejn saħaq li rridu nqumu fuq tagħna kontra l-qtil tal-innoċenti.