Ftehim bejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Victim Support Agency se jara li persuni b’diżabilità li jkunu wkoll vittmi ta’ xi reat, isibu aktar sapport.
Dan il-ftehim jistipula li dawn iż-żewġ entitajiet jassistu u jikkoperaw flimkien biex jappoġġja vittmi ta’ reati, fejn dawn jistgħu jiġu riferuti minn waħda minn dawn iż-żewġ entitajiet għal servizz aktar effettiv.
Dan il-ftehim jinkludi wkoll li ż-żewġ entitajiet jikkoperaw flimkien biex iżidu l-għarfien dwar id-drittijiet tal-vittmi u jħeġġu aktar vittmi biex jirrapportaw u jfittxu s-sapport.
Preżenti għal dan l-iffirmar tal-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
“Il-persuni b’diżabilità jixirqilhom l-aħjar attenzjoni, l-aħjar servizz. Jalla li ħadd ma juża dan is-servizz, però l-fatt li jkollok persuni vulnerabbli, minn żmien għal ieħor, ikunu vittmi ta’ reat, huwa ta’ sodisfazzjon li se jkollna servizzi fil-pajjiż, li jkunu verament aċċessibli għal kulħadd.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli
“Il-pass li qed nagħmlu llum bi sħubija ġdida mas-CRPD se nkomplu nistgħu nassistu aktar persuni. Din id-darba persuni b’diżabilità, li jeħtieġ naraw li jkollna l-expertise neċċessarji, li jtuhomlna s-CRPD sabiex inkunu nistgħu ngħinuhom bl-aħjar mod possibli f’mument diffiċli għal ħajja tagħhom meta jisfaw vittma ta’ kriminalità.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Rhoda Garland u l-Kap Eżekuttiv ta’ Victim Sapport Agency Brian Farrugia.