Dawk kollha li għal xi raġuni jew oħra l-qatla tagħhom hi li jmorru intervista għal xogħol ġdid, New Zealand issa qed toffri opportunità mill-isbaħ biex din l-esperjenza tkun waħda mill-aqwa.
L-industrija tat-teknoloġija f’Wellington għandha bżonn timpjega esperti fit-teknoloġija minn madwar id-dinja u qed joffru vaganza f’New Zealand għal dawk kollha li jistgħu juru l-kapaċitajiet tagħhom f’dan il-qasam.
Il-programm, li jismu Looksee Wellington, se tjkun qed jagħżel mitt applikant li se jitħallsilhom kemm il-vjaġġ kif ukoll l-akkomodazzjoni.
Biex dan ikun possibbli, l-applikant irid jattendi għal intervisti ma’ kumpaniji mill-aqwa fil-qasam tat-teknoloġija li jinsabu f’New Zealand.
Il-kandidati magħżula se jkunu mitluba biex jattendu għal laqgħat u kif ukoll għal tour madwar il-belt.
Il-kumpaniji wara se jkunu qed jagħmlu offerta lill-aqwa kandidati lejn l-aħħar tal-vaganza.
Kull min hu interessat irid japplika sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Marzu fejn dawk magħżula se jkunu qed jitilgħu New Zealand mit-8 sal-11 ta’ Mejju.