“Irridu nwettqu bidliet bl-aktar mod ġust biex nibqgħu nipprogressaw flimkien bħala poplu maqgħud għal kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Dan sostnieh il-Prim Ministru Robert Abela waqt seduta Parlamentari l-Erbgħa filgħaxija waqt li kien qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi fuq Azzjoni dwar il-Klima.
Il-Prim Ministru fisser li dan l-Abbozz li qed jara t-twaqqif ta’ Awtorità għat-Tibdil fil-Klima, bħala sinjal b’saħħtu ta’ Gvern magħqud u sħiħ favur azzjoni b’viżjoni ħolistika u bi djalogu soċjali fuq il-bidla fil-klima.
“Din l-Awtorità se jkollha rwol importanti ħafna fit-trasformazzjoni soċjali, ekonomika u ambjentali. Awtorità li permezz tagħha rridu nibdlu l-ħsieb tal-passat li l-iżvilupp u l-protezzjoni ambjentali jikkompetu ma’ xulxin. Le t-tranżizzjoni ambjentali hija l-akbar opportunità ekonomika tal-ġenerazzjoni tagħna. Hija rivoluzzjoni industrijali ġdida li se twassal għal prosperità ġdida. Għax l-għażla mhijiex jekk nibqgħux niprogressaw, iżda kif. U niprogressaw flimkien. Tranżizzjoni ġusta u effettiva teħtieġ parteċipazzjoni wiesgħa.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru aċċenna għall-fatt kif il-bidla fil-klima hija realtà u pajjiżna, anki jekk ċkejken irid ikun pro-attiv u l-politika ambjentali tiegħu trid tkun mibnija fuq il-prevenzjoni.
Dr Abela rrimarka kif it-twaqqif tal-Awtorità għat-Tibdil fil-Klima tibni fuq bidliet kbar oħra li qed jitwettqu fosthom it-trasformazzjoni favur użu ta’ enerġija aktar nadifa, azzjonijiet li jnaqqsu l-impatt tat-turiżmu u l-ġarr tal-merkanzija bħall-proġett tax-shore-to-ship, il-proġetti tar-riċiklaġġ u biex mill-iskart noħorġu b’riżorsa u sors ta’ enerġija, id-direzzjoni favur investiment iktar aħdar bil-ħruġ tal-green bonds u l-implimentazzjoni tal-akbar proġetti ta’ spazji miftuħa.
Il-Prim Ministru fisser kif il-qalba ambjentali hija l-akbar opportunità ekonomika tal-ġenerazzjoni tagħna però sostna li fuq kollox din il-qalba trid iżżomm fiċ-ċentru tagħha lill-familji.
“Il-Gvern immexxi minni qatt mhu se jitfa’ l-piż tal-bidliet fuq in-nies mingħajr ebda kunsiderazzjoni ta’ xejn. U din hi direzzjoni ċara li se jkollha l-awtorità. Mhux ma nieħdux deċiżjonijiet iebsin. Noħduhom u nieħdu kemm hemm bżonn. Imma d-deċiżjonijiet ma jsirux eħfef billi l-piż jerfugħ in-nies. Huwa messaġġ li nibgħat hawn, daqskemm hu messaġġ li nibgħat fil-fora Ewropea.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela wissa wkoll kontra l-populiżmu, li fisser kif rah mill-Oppożizzjoni b’reazzjoni għal riformi li daħħal il-Gvern.
“Il-populiżmu hawn ma jwassal għal imkien u jiddispjaċini ngħid li sal-lum populiżmu rajt ħafna. Se nagħti biss tliet eżempji. Meta daħħalna riformi biex narmu inqas plastik fil-miżbliet, l-Oppożizzjoni fittxet il-gwadann politiku mmedjat. Meta daħħalna riformi biex nipproduċu inqas skart li jmur fil-landfill, l-Oppożizzjoni fittxet il-gwadann politiku mmedjat. Meta ffaċċjajna l-impatt ta’ temperaturi estremi fis-sajf, l-Oppożizzjoni fittxet il-gwadann politiku mmedjat. Dawn l-eżempji nsemmihom għax irridu nifhmu li jekk mhux se naħdmu lkoll flimkien, se nkunu qed nonqsu mhux biss lil xulxin imma lil uliedna.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li Malta hi pajjiż li ma tibżax mill-bidla għax din kapaċi ndawruha f’opportunità ta’ suċċess. Saħaq li l-liġi mressqa ma hijiex sempliċiment kitba fuq karta iżda impenn ta’ Gvern favur bidla soċjali u ekonomika li twassal għal prosperità ġdida.
“Dan l-Abbozz ta’ Liġi mhuwiex sempliċiment kitba fuq karta iżda huwa manifest tal-impenn tagħna għal transformazzjoni soċjali u ekonomika li se twassal għal prosperità ġdida. Għax dan huwa pajjiż li ma jibżax mill-bidla, imma li anzi l-bidla kapaċi dejjem idawwarha f’opportunità ta’ suċċess ġdid. Hekk dejjem għamilna u hekk se nkomplu nagħmlu, sakemm nibqgħu naħdmu flimkien għall-ġid komuni.”
il-Prim Ministru Robert Abela