Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni għaddejja bi proġett ta’ tindif f’żona mitluqa f’Ħaż-Żebbuġ, li se tkun qed tingħata lura lill-komunità. Wara l-proċess ta’ tindif, li matulu mistennija jinġabru mal-ħames tunellati ta’ skart, iż-żona se tiġi livellata u tiġi rinovata f’parkeġġ. Dan hu riżultat ta’ investiment li tħabbar f’Diċembru tas-sena l-oħra u li bħalissa qed jara pjan nazzjonali ta’ tindif għaddej.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-istess post f’Ħaż-Żebbuġ, li ġiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, Glenn Bedingfield, saret enfażi fuq il-fatt li l-Gvern qed jitkellem man-nies u mal-kunsilli favur kollaborazzjoni sħiħa biex jitjiebu u jissebbħu l-lokalitajiet f’Malta u Għawdex.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Mark Camilleri, spejga kif din iż-żona, li hi qrib tal-pjazza, hi l-aħħar parti miftuħa li baqa’ fiċ-ċentru ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Qal, “Dan il-proġett għandu importanza enormi għax hu viċin il-pjazza. Hawnhekk hi l-aħħar żona li għadha miftuħa li ma nbnietx; fortunatament hi tal-Gvern u ġiet imw.egħda lilna bħala Kunsill Lokali biex titgawda mill-komunità Żebbuġija.”
Is-Segretarju Parlamentari Bedingfield saħaq fuq l-importanza li l-kunsilli lokali jikkollaboraw mal-Gvern ċentrali ħalli jsiru proġetti ta’ fejda, li ġejjin mingħand in-nies u li qed isiru għan-nies.
Qal, “Dan il-proġett flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ hu eżempju ta’ kif il-Gvern ċentrali u l-Gvernijiet lokali jistgħu jikkollaboraw. Jien nestendi l-appell tiegħi biex il-kunsilli lokali, biex anke NGOs, biex kull min għandu xi ħaġa x’jgħidilna, jiġi magħna, jitkellem magħna, għax aħna bħala politiċi li nitkellmu man-nies nieħdu s-saħħa tagħna biex nattwaw proġetti, nattwaw policies, li frankament imbagħad ikunu jagħmlu sens għan-nies.”
Il-Ministru Bartolo tenna jirringrazzja lill-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni u sostna li, permezz tax-xogħlijiet li qed isiru f’bosta lokalitajiet u l-investiment f’dan il-qasam mill-Gvern Laburista, kull lokalità se tkun lesta li tilqa’ t-turisti.
Qal, “Proġetti bħal dawn huma riżultat ta’ ħafna ħidma mill-ħaddiema u grazzi wkoll għall-investiment li qed isir mid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni biex aħna naraw li dan is-servizz jasal fil-qalba tal-komunità u nkunu nistgħu ngħollu l-indafa pubblika fuq nett tal-aġenda ta’ pajjiżna. L-għan tagħna hu li naħdmu iżjed mill-qrib mal-kunsilli lokali, nikkollaboraw magħhom biex b’hekk ngħollu l-istandards tal-indafa, għax pajjiż isbaħ hu pajjiż li jilqgħek – pajjiż li hu kapaċi jgħolli l-kwalità tal-ħajja tan-nies.”