Persuni b’diżabilità li jkunu wkoll vittmi ta’ xi reat se jsibu aktar sapport hekk kif ġie ffirmat ftehim ġdid bejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u l-Victim Support Agency (VSA).
Il-ftehim jistipula li dawn iż-żewġ entitajiet se jassistu u jikkoperaw ma’ xulxin biex jappoġġjaw vittmi ta’ reati permezz ta’ sistema ta’ referral komuni għas-service users, fejn dawn jistgħu jiġu riferuti minn waħda minn dawn iż-żewġ entitajiet għal servizz aktar effettiv.
Il-ftehim jgħid ukoll li ż-żewġ entitajiet se jikkoperaw ma’ xulxin biex iżidu l-għarfien dwar id-drittijiet tal-vittmi u jħeġġu aktar vittmi jirrappurtaw u jfittxu s-sapport u li se jkomplu jindirizzaw il-ħtiġijiet u r-realtajiet li jaffaċċjaw il-persuni b’diżabilità.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, waqt ċerimonja li fiha ġie ffirmat dan il-ftehim ġdid.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ddeskriviet dan il-ftehim bħala wieħed kruċjali u li se jkompli jitfa’ dawl fuq ir-realtajiet li jaffaċċjaw persuni b’diżabilità f’uħud mill-aktar fażijiet diffiċli ta’ ħajjithom.
Il-Ministru Byron Camilleri saħaq li matul il-ftit snin li ilha topera l-Victim Support Agency qed tilħaq l-għan tagħha li tagħti servizzi differenti lill-vittmi u lil dawk l-aktar li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Rhoda Garland laqgħat dan il-ftehim b’sodisfazzjon u saħqet li dan se jiżgura li persuni b’diżabilità li jkunu vittmi ta’ xi reat se jirċievu aktar sapport u li s-servizzi pprovduti ikun aktar aċċessibbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-VSA Brian Farrugia qal li vittmi tal-kriminalità b’diżabilità jiffaċċjaw realtajiet u sfidi uniċi. Għaldaqstant b’dan il-ftehim iż-żewġ entitajiet se jkomplu jaħdmu sabiex is-servizz ta’ sapport ikun aktar inklussiv, u msaħħaħ b’taħriġ professjonali fis-settur.